Kollox jindika li għas-sena 2026, il-manifattura Ewropeja u b’mod partikolari l-industriji fil-pajjiżi taż-Żona Ewro se jkomplu jiffaċċjaw kompetizzjoni qawwija miċ-Ċina. Kompetizzjoni li minħabba fiha l-istess Unjoni Ewropea qiegħda turi d-dgħjufija tagħha biex tkun kompetittiva quddiem l-esportazzjoni miċ-Ċina li dejjem qiegħda tiżdied u tikber.
Ekonomista li tkellem magħna, bil-kundizzoni tal-anonimità minħabba li l-pożizzjoni tiegħu ma tippermettilux li jikkummentaw fil-pubbliku fuq l-ekonomiji u s-settur finanzjarju, qalilna li “matul is-sena 2026 se nkunu qegħdin naraw għadd ta’ sinjali ta’ twissijiet għall-ekonomiji tal-Punent b’mod partikolari dawk fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar xhur rajna l-esportazzjoni iċ-Ċina tilħaq livelli globali rekord. Minkejja t-tariffi li saru u li ħafna pprevedew li kienu se jaffettwaw l-esportazzjoni miċ-Ċina, rajna li ċ-Ċina laħqet l-aspetattivi xorta waħda u l-esportazzoni matul is-sena 2025 telgħet minn 5 fil-mija għal 6 fil-mija. Il-previżjonijiet għas-sena 2026 fiċ-Ċina huma ukoll pożittivi għall-aħħar. Qegħdin ibassru tkabbir ekonomiku ta’ 4. 5 fil-mija.”
Jispjegalna li ż-żieda fl-esportazzjoni miċ-Ċina thedded l-ekonomija tal-Ewropa, u hemm twissijiet li dan se jwassal biex jaffettwa b’mod negattiv ħafna lil għadd ta’ ekonomiji Ewropej fosthom dik tal-Ġermanja, l-Italja, Franza, u Spanja. Se jiġu affettwati negattivament għax il-kompetizzjoni qiegħda dejjem tikber minn naħa taċ-Ċina u minn naħa l-oħra r-risposta tal-Unjoni Ewropea għal dan huma mill-aktar dgħajfin. Rajna it-taxxa fuq prodotti Ċiniżi, imma ċ-Ċina qiegħda twieġeb għal dan bi spinta ġdida fil-qasam tal-esportazzjoni.
Jispjega li s-sitwazzjoni hi tali li ż-żona Ewro hi esposta għall-effetti negattivi taż-żieda fil-provvisti ta’ merkanżija Ċiniża. Din l-esportazzjoni qawwija ċ-Ċina qiegħda thedded li tkabbar l-iżbilanċ tal-kummerċ bilaterali tal-merkanzija bejn iż-żona tal-Ewro u ċ-Ċina. Id-domanda li tqum hi din il-kompetizzjoni miċ-Ċina kemm se taffettwa b’mod negativ il-Prodott Gross Domestiku fl-Ewropa? Kemm se jonqos fiż-Żona Ewro? “Hemm diversi previżjonijiet, u dawn kollha juru tnaqqis”, qalilna l-istess ekonomista.
Ikompli jgħid li minn dak li qiegħed jingħad fi previżjonijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, jidher li l-Ġermanja hi dik li l-aktar li qed tiffaċċja pressjoni u hu previst li l-Prodott Domestiku Gross reali mistenni jkun madwar 0.9 fil-mija inqas matul l-erba’ snin li ġejjin minħabba din il-pressjoni. Hemm tbassir ukoll li l-Italja se tara telf ta’ 0.6 fil-mija u Franza u Spanja madwar 0.4 fil-mija kull wieħed.
L-esportazzjoni miż-żona Ewro baqgħet titlef meta mqabbla mal-esportazzjoni Ċiniża
Jgħidilna li dak li qiegħed idgħajjef bil-kbir l-Unjoni Ewroepa u ż-żona Euro hi il-livell tat-tibdil li hemm fis-swieq bejn prodotti manifatturati fiċ-Ċina u dawk manifattura fi swieq globali jew fl-Ewropa. Hu kkalkulata li fl-aħħar ħames snin, l-esportazzjoni fiż-żona tal-Ewro tilfet sa erba’ punti perċentwali tas-sehem tas-suq lill-esportaturi Ċiniżi. Dan qiegħed inaqqar il-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa.
Kif se tiġġieled din is-sitwazzjoni l-UE?
Jgħidilna li “d-domanda li tqum hi kif l-Unjoni Ewropea se tiġġieled din is-sitwazzjoni. Wieħed irid jgħid li l-Unjoni Ewropea nediet diversi inizjattivi biex issaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika. Jidher iżda li l-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi hija mxekkla mill-vulnerabbiltajiet tagħha stess.
Hu fatt li kull inizjattiva li tista’ tieħu l-Unjoni Ewropea biex tillimita l-provvista Ċiniża fis-swieq Ewropej se jkollha bżonn tiġi bbilanċjata mad-dipendenza tal-Ewropa fuq iċ-Ċina għal materja prima. Minkejja dak li ppruvaw jagħmlu, iqumu dubji dwar il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li terġa’ ġġib il-kompetittività tal-esportazzjoni tagħha kontra ċ-Ċina Ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għadu wieħed batut u l-previżjonijiet li hemm hu li matul din is-sena l-Unjoni Ewropea se tkompli titlef meta mqabbla mal-kompetizzjoni Ċiniża għax kollox jindika li l-kumpaniji Ċiniżi se jkomplu jespandu is-sehem tagħhom fis-swieq globali.
Jenfasizza li “hemm argumenti li jgħidu li jekk tittieħed pożizzjoni aggressiva kontra importazzjoni miċ-Ċina fosthom tariffi qawwijin jew restrizzjonijiet iebsa fuq l-importazzjoni, din tista’ twassal biex tfixkel il-il-provvista li fuqhom l-Ewropa tibqa’ dipendenti ħafna.”
Isostni li l-Unjoni Ewropa aktar milli tħares lejn tariffi trid tfassal strateġija industriali effettiva. Dik ta’ bħalissa hi dgħajfa u biha l-Unjoni Ewropa qiegħda titlef. Meta ngħid strateġija industrijali qed nifhem strateġija unita u b’saħħitha. Fin-nuqqas tagħha hemm riksju kbir li l-Unjoni Ewropea tkompli titlef f’settur li darba kienet ewlenija fih.
Tenna li rridu nżommu f’moħħna ukoll is-sistema magħrufa bħala Hukou. Sistema li tneħħi d-drittijiet u l-poter ta’ negozjar ta’ miljuni ta’ ħaddiema migranti, u żżomm il-pagi baxxi. Il-protezzjonijiet dgħajfin tax-xogħol jagħmlu t-tkeċċija faċli. Għandek ammont kbar ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-ekonomija prekarja. Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li l-industrija Ċiniża tieħu vantaġġ minnhom u tagħmel il-prodotti tagħom ferm u ferm aktar kompetitittivi minn dawk Ewropej”.

