Monday, November 4, 2024

U/21: Il-Maltin jimmiraw għall-ewwel punt

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena, illum  jilgħab it-tmien logħba ta’ kwalifikazzjoni ta’ Grupp B tal-Kampjonat Ewropew 2025.

It-team immexxi mill-coach, Ivan Woods, ġej minn seba’ telfiet konsekut­tivi bl-aħħar waħda tkun dik ta’ nhar il-Ħamis li għada, kontra l-Kazakhstan bl-iskor ta’ 4-1, fil-belt ta’ Almaty.

Iż-żgħażagħ Maltin ġew iddominati mill-avversarji tagħhom u l-iżbalji difensivi li kkommettew  għamlu l-affarijiet kumplikati.

Il-Kazakhi, fetħu l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ Ivan Sviridov u rduppjaw fil-50 minuta b’goal ta’ Aybar Abdulla.

Fil-71 minuta, Andrea Zammit naqqas id-distakk minn penalty. Iżda fit-78 minuta, il-Maltin sfaw ji­lagħbu bi player inqas wa­ra li tkeċċa Kurt Bondin għat-tieni karta safra.

Żewġ minuti wara, Sviri­dov għamilhom 3-1 filwaqt li fil-ħin miżjud, Adilbek Zhuma­ka­nov issiġilla r- reb­ħa minn penalty.  

Woods irid jagħraf kif jirriorganizza lill-players tiegħu minħabba li l-moral huwa kemmxejn baxx hekk kif għadhom qed ifittxu l-ewwel punt f’din l-avventura. 

Lanqas l-istatistika mhix daqstant pożittiva meta minn seba’ logħbiet, il- Maltin skorjaw tliet goals u sofrew 22. 

Diġá lgħabna kontra l- avversjari tal-lum,  f’Ty­ne­castle Park f’Edinburgh.

F’dik il-logħba, l-Iskoċ­ċiżi ħar­­ġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 għalkemm il-Maltin kienu taw wirja mill-aqwa.

F’dik il-logħba, Alex Lowry kien fetaħ l-iskor għal pajjiżu iżda l-Maltin għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ Andrea Zammit. 

Iżda tmien minuti mit- tmiem, l-Iskoċċiżi kisbu t-tliet punti permezz ta’ Kie­ron Bowie. 

Bħalissa l-Iskozja jinsabu fit-tieni post tal-klassifika bi 13-il punt minn sitt logħbiet, tliet punti taħt il-leaders Spanja.

Huma rebħu erba’ logħbiet, ġew draw darba u tilfu logħba waħda kontra l-istess Spanjoli. Huma skorjaw 11-il goal u qalgħu erbgħa.

Woods mhux mistenni jagħmel xi tibdil enormi għalkemm jista’ jkun li jibda b’Andrea Zammit li qed ikun deċiżiv kull meta jkun preżenti.

Dan il-player, li huwa t-tifel tal-coach ta’ Sliema Wanderers, Paul Zammit, huwa l-aqwa skorer Malti ta’ kull żmien ta’ din il-ka­tegorija bi tmien goals,   hekk kif qabeż lil Antoine Zahra li bejn l-1994 u l-1999 kien skorja seba’ goals.

Il-logħba se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali fis-6.30 pm u se tixxandar dirett fuq TVMSport+.

Sport