It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena, illum jilgħab id-disa’ logħba ta’ Grupp B tal-Kwalifiki tal-Kampjonat Ewropew U21 tal-UEFA, meta fin-Nandor Hidegkuti Stadium jaffronta lill-Ungerija.
It-team immexxi minn Ivan Woods xejn ma kellu riżultati tajbin f’dan il-grupp diffiċli li jinkludi wkoll lil Spanja, il-Belġju, l-Iskozja u l-Kazakhstan.
Fil-fatt huwa tilef l-għaxar partiti li lagħab s’issa fejn skorja tliet goals u sofra 27.
Bla dubju, dan huwa konfront ieħor diffiċli għall-players żgħażagħ iżda fl-istess waqt dawn il-logħbiet għandhom iservu ta’ esperjenza fl-iżvilupp tagħhom hekk kif dawn huma l-futur tat-team nazzjonali Malti.
L-Ungerija kisbu għaxar punti minn tmien logħbiet wara rebħiet kontra l-Kazakhstan (2-0 u 3-0) , Malta (3-0) u draw kontra l-Iskozja (0-0). Huma jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika iżda bl-ebda ċans li jisfidaw għall-kwalifikazzjoni.
Il-coach, Zsoltan Szelesi, sejjaħ skwadra b’saħħitha li tinkludi wkoll lill-players l-aktar rappreżentattivi – Krisztian Hegyi, Barna Benczenletneir u Patrick Iyinbor. Huwa se jaddotta sistema offensiva sabiex jirbaħ din il-partita.
Min-naħa tal-coach Malti, dan sejjaħ numru ta’ players ġodda fosthom Sean Gatt u Lucas Caruana, b’Jake Vassallo jirritorna u Isaiah Chukunyere jżomm ukoll postu wara l-wirjiet impressjonanti li qed ikollu ma’ Hibernians.
Min-naħa l-oħra,Woods ma jistax jinkludi lil Mattias Ellul u lil Basil Tuma li ngħaqdu mat-team tal-kbar.
Dan huwa grupp ġdid li matul dan il-logħob ta’ kwalifikazzjoni beda ċiklu ġdid sabiex eventwalment f’kompetizzjoni oħra jkun hemm titjib mhux biss fil-wirjiet iżda wkoll fir-riżultati.
Fl-ewwel round, li ntlagħab fit-12 ta’ Settembru 2023, kienu l-Ungeriżi li f’Tony Bezzina Stadium għelbu lil Malta 3-0 bil-goals jaslu minn doppjetta ta’ Dominik Kocsis u goal ieħor ta’ Matyas Kovacs.
Din se tkun ukoll il-partita ta’ qabel tal-aħħar għaż-żgħażagħ Maltin hekk kif nhar it-Tlieta li ġej, 15 ta’ Ottubru, huma jilagħbu l-aħħar logħba, dik kontra Spanja f’Estadio Municipal Nuevos Mirador, f’Algericas.
Il-partita tal-lum se tibda fit-8.00 pm.
Klassifika: 22 – Spanja; 16 – Skozja, Belġju; 10 – Ungerija; 6 – Kazakhstan; 0 – Malta.