Thursday, November 14, 2024

U/21: Telfa umiljanti għall-Maltin

Aqra wkoll

Malta ……..…0

Skozja ………5

Minn Cristian Muscat

It-team Malti ta’ Taħt il-21 sena ġie megħlub minn dak Skoċċiż bl-iskor kbir ta’ 5-0 f’partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew 2025.

Hekk kif wara biss kwarta l-logħba kienet diġá mirbuħa u mitlufa meta l-avversarji tagħna fetħu vantaġġ ta’ tliet goals, il-partita ġiet trasformata f’sessjoni ta’ taħriġ.

Fil-veritá, kienet evidenti d-differenza taż-żewġ timi­jiet. Filwaqt li l-Iskoċċiżi għandhom il-lussu tal-għażla tal-players minn kampjonati differenti fl-Ewropa … dik tal-coach, Ivan Woods, hija limitata għall-aħħar fejn wieħed irid jistaqsi kemm players ta’ Taħt il-21 sena jingħataw iċ-ċans li jilagħbu fil-Premier League. Dik hija s-sitwazzjoni tagħna!!

L-Iskoċċiżi ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara biss żewġ minuti huma fetħu l-iskor meta mill-cross ta’ Ewan Wilson, id-difensur Malti, Matthew Ellul, ikkommetta auto-goal fit-tentattiv li jikklerja l-periklu.

Il-Maltin għamlu reazzjoni mmedjata u minuta wara Mattia Veselji ħarab waħdu u ġie ffawljat barra l-kaxxa mill-goalkeeper, Cieran Slic­ker, li kien fortunat li ntwera biss il-karta s-safra.

Fid-disa’ minuta, l-Is­koċ­ċiżi rduppjaw meta mill-cross ta’ Lennon Miller, Dane Murray ħareġ minn bejn id-difiża Maltija u b’daqqa ta’ ras għeleb lill-goalkeeper Matthias Debono.

Fis-17-il minuta, l-Iskoċ­ċiżi għamluhom tlieta meta indeċiżjoni fid-difiża Maltija ppermettiet lil Josh Mulligan jikkonkludi fix-xibka lie­ma goal seta’ ġie evitat.

Fl-ewwel attakk denju ta’ Malta, fis-27 minuta, Andrea Zammit ħarab fuq il-linja leminija, daħal fil-kaxxa u għadda lejn Basil Tuma li għamel l-impossibbli meta xeħet barra minn quddiem lasti vojta.

Fit-42 minuta, l-Iskoċċiżi resqu ferm viċin iżda ssikkat minn Zean Leonardi, Jere­miah Mullen kien żbilanċjat biex ikkonkluda ħażin.

Fis-57 minuta, il-Brittaniċi skorjaw ir-raba’ goal minn daqqa ta’ ras ta’ Lennon Mil­ler li kkonkluda mill-cross ta’ Daniel Kelly.

Fis-70 minuta, il-Maltin kie­nu sfortunati meta Jake Mi­callef ġie mċaħħad mil-lasta.

Peró fit-82 minuta, l-Is­koċ­ċiżi skorjaw il-ħames goal meta mill-cross ta’ Miller, id-difiża Maltija nqabdet statika biex Lewis Neilson xeħet fix-xibka. 

MALTA: 1-Matthias Debono, 2-Zean Leonardi (19-Matteo Gambin 88), 5-Matthew Ellul (22-James Vella 76), 7-Mattia Veselji (15-Isaiah Chukunyere 58), 8-Dylan Scicluna, 9-Basil Tuma (21-Daniel Letherby 76), 10-Andrea Zammit, 13-Nikolai Micallef (6-Karl Mohnani 76), 16-Jake Micallef, 17-Sven Xerri, 18-Andrew Borg – Coach: Ivan Woods 

SKOZJA: 1-Cieran Slic­ker, 2-Max Johnston, 5-Dane Murray (14-David Watson 46), 8-Lennon Miller, 11-Adedire Mebude (9-Bobby Wales 75), 15-Josh Mulligan (22-Calvin Ramsey 75), 16-Lewis Neilson, 17-Lyall Cameron (18-Miller Thomson 85), 19-Kieron Bowie (10-Daniel Kelly 36), 20-Jeremiah Mullen, 23-Ewan Wilson

REFEREE: Edgars Malcevs (Latvja)

ASS. REFEREES: Martins Svipsts, Deniss Sevcenko (Lat­vja)

RABA’ UFF: Aleksandrs Anu­­frijevs (Latvja)

SKORERS: M. Ellul 2 o.g., D. Murray 9, J. Mulligan 17, L. Miller 57, L. Neilson 82 (S)

AMMONITI: C. Slicker, L. Neilson, J. Mulligan, A. Mebude (S); M. Veselji (M)

Ekonomija

Sport