Friday, October 11, 2024

UNL: Il-Maltin ipattu għad-diżappunt kontra l-Moldova

Aqra wkoll

Andorra ……0

Malta …….…1

Minn Cristian Muscat

Wara t-telfa diżappuntanti ta’ 2-0 kontra l-Moldova, it-team nazzjo­nali Malti wettaq reazzjoni mill-aqwa, qam għall-okkażjoni u b’wirja ferm pożittivagħeleb lil Andorra bl-iskor ta’ 1-0, grazzi għal kanunata ta’ Ryan Camenzuli lejn   tmiem l-ewwel taqsima … liema partita kienet valida minn Grupp D2 ta’ kwalifikaz­zjoni għall-UEFA Nations League.

Kien fid-19-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bil-Maltin ikunu huma li joħolqu l-periklu meta minn free-kick qasir ta’ Teddy Teuma, huwa għadda lejn Joseph Mbong li venven xutt mid-distanza li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper, Iker Alvarez.

Il-Maltin komplew jippressaw u inqas minn minuta wara Carlo Zammit Lonardelli kellu d-daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta toħroġ  ir-riflessi mpekkabbli ta’ Alvarez li dawwar f’corner b’mod providenżjali u spettakolari.

Fis-27 minuta, Ryan Camenzuli, kellu tentattiv xi ftit dgħajjef li ntemm barra mingħajr wisq periklu għall-avversarji. 

Madankollu, fil-45 minuta  il-Maltin fetħu l-iskor meta minn cross ta’ Matthew Guillaumier, id-difiża ta’ Andorra ppruvat tbiegħed il-periklu, b’Luke Montebello jħalli l-ballun lil RYAN CAMENZULI li kien ġej bil-ġirja minn fuq ix-xellug li venven kanunata u sammar il-ballun fir-rokna tax-xibka … biex dan kien l-ewwel goal tiegħu mat-team nazzjonali.

Andorra ħarġu ferm aggressivi fil-ftuħ tat-tieni taq­sima u resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs meta fit-52 minuta Albert Rosas appro­fitta minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija, avvanza tajjeb fil-kaxxa, ġie wiċċ imb wiċċ ma’  Henry Bonello, iżda ra t-tentattiv tiegħu salvat bis-sieq mill-goalkeeper Malti.

Huma komplew fuq l-offensiva u, fil-65 minuta, kienu għoddhom skorjaw, meta minn azzjoni maħduma tajjeb ħafna, is-sostitut Jordi Alaez, li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground, kellu x-xutt minn tarf il-kaxxa jintemm ftit barra.

Il-Maltin irrispondew fis-70 minuta meta Kemar Reid indirizza cross fid-direzzjoni ta’ Kyrian Nwoko li bir-ras ikkonkluda ftit barra.

Żewġ minuti wara, Andorra reġgħu resqu viċn li jiksbu l-goal tad-draw meta s-sostitut Ricard Fernandez ra t-tentattiv tiegħu salvat minn Bonello.

ANDORRA: 12-Iker Alvarez, 23-Biel Borra Font (9-Ricard Fernandez 64), 5-Max Llovera, 3-Marc Vales, 22-Bryan Olivera, 15-Moises San Nicolas (4-Erc Izquierdo 81), 18-Jesus Rubio (14-Jordi Alaez 64), 19-Joel Guillen (35-Joao Teixeira 35), 8-Eric Vales (6-Christian Garcia 81), 17-Joan Cervos, 11-Albert Rosas  – Coach: Koldo Alvarez

MALTA: 1-Henry Bonello, 22-Zach Muscat, 5-Kurt Shaw, 2-Jean Borg, 15-Carlo Zammit Lonardelli, 7-Joseph Essien Mbong, 6-Matthew Guillaumier, 3-Ryan Camenuzli, 10-Teddy Teuma (20-Yannick Yankam 94), 14-Kyrian Nwoko (21-Paul Mbong 78), 11-Luke Montebello (9-Kemar Reid 60)  – Coach: Michele Marcolini

REFEREE: Mohammed Al-Hakim (Svezja)

ASS. REFEREES: Mehmet Culum, Fredrik Klyver (Svezja)

RABA’ UFF: Joakim Ostling (Svezja)

SKORER: R. Camenzuli 45 (M)

AMMONITI: J. Guillen, A. Rosas (A), C. Zammit Lonardelli (M)

Sport