Saturday, December 21, 2024

U idejk jgħallmuni kollox

Taħdita dwar Oliver Friggieri u San Ġorġ Preca

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Studji Dun Ġorġ, fi ħdan is-Soċjetà tal-MUSEUM, qed jorganizza Taħdita għall-Pubbliku minn Dr David Aloisio nhar il-Ħamis li ġej 7 ta’ Marzu fis-Sala tal-Konferenzi ta’ Dar il-Ħanin Samaritan, Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera, fis-7.00pm. Is-serata se tinkludi wkoll it-tnedija ta’ Ħarġa 50 tar-Rivista “Dun Ġorġ”, edizzjoni kommemorattiva bil-kitbiet u d-diskorsi tal-Professur Oliver Friggieri fuq Dun Ġorġ Preca.

Kif jikteb Ġorġ Borg, poeta u membru tal-Museum, fid-daħla ta’ din l-edizzjoni speċjali, “Dawn il-kitbiet, minnhom infushom, huma dokument imprezzabbli ta’ kemm Oliver Friggieri mhux biss kien influwenzat minn Dun Ġorġ imma wkoll ta’ kemm hu, min-naħa tiegħu, studja u għarrex fuq dan il-qaddis. Ir-riflessjonijijet tal-Professur Friggieri huma frott ta’ smigħ attent għat‑taħditiet u qari bir-reqqa tal‑kitbiet ta’ Dun Ġorġ u, mhux b’anqas, frott tal-esperjenza li kiseb fil-ftit laqgħat li kellu miegħu.”

Dun Ġorġ

Dun Ġorġ Preca (1880-1962) twieled il-Belt Valletta imma għex ħafna minn ħajtu l-Ħamrun. Bħala saċerdot iddedika ħajtu kollha għall-evanġelizzazzjoni u kien il-Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija magħrufa bħala l-MUSEUM fl-1907. Papa Benedittu XVI, meta ddikjarah qaddis fl-2007, sejjaħlu “ruħ profondament mistika u saċerdotali, li reħa lilu nnifsu f’idejn l-imħabba ta’ Alla, Ġesù u l-Verġni Marija.”

Dun Ġorġ kiteb iktar minn mitt ktieb, ħafna minnhom bil-Malti, għax kif kiteb Friggieri fl-1974 fl-istess Rivista li issa qed tikkommemorah, Dun Ġorġ “ħaddem mill-ewwel il-kelma Maltija, bla xejxi kif kien jafha, biex jgħallem lill-kotra. Inqeda bil-lingwaġġ ħafif tagħha u llum għandu jitqies bħala wieħed minn dawk li wettqu bil-fatti, u mhux bit-teoriji, il-verità tal-użu tal-kelma lokali għal kull xorta ta’ tagħlim.”

Oliver Friggieri

Oliver Friggieri (1947-2020) twieled il-Furjana. Sa minn tfulitu kien jattendi l-Qasam tal-Museum tal-Furjana u ta’ 18-il sena kien sar ukoll membru sħiħ ta’ din is-Soċjetà. Kien poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosfu. Studja fl-Università ta’ Malta u fl-1975 sar l-ewwel student li ggradwa fil-Masters fil-letteratura Maltija. Tliet snin wara kiseb dottorat fil-letteratura Maltija u l-Kritika Letterarja mill-Università Kattolika ta’ Milan.

Wara xi snin jgħallem fl-iskejjel, fl-1976, Friggieri beda jgħallem fl-Università ta’ Malta u fl-1990 inħatar Professur. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju fl-1967, u bil-kitbiet tiegħu stinka biex jippromwovi l-lingwa u l-identità kulturali Maltija. Kien pijunier fix-xjenza tal-kritika letterarja f’Malta u ħaddem bosta ġeneri ġodda għal-lingwa u kiteb l-ewwel kantata u l-ewwel oratorju bil-Malti.

Ġorġ Borg jgħid li, “Il-pedament li Oliver Friggieri bena fuqu żgur li fil-biċċa l-kbira tiegħu kien it-tagħlim li xorob mill-qasam tal-Museum tal-Furjana fejn kien jattendi sa minn żgħir, u fejn, kif jikteb hu stess, ‘kien jaħkem kollox il-Kurċifiss kbir fuq l-artal.’ Huwa baqa’ jattendi u jieħu l-formazzjoni tiegħu, f’dik il-fażi bikrija ta’ ħajtu, sa ma kellu 17-il sena u nofs, meta daħal is-Seminarju f’Settembru 1964. Baqa’ fil-Museum anke bħala seminarista u għażel li jinkorpora soċju f’Diċembru 1965.”

X’kien Dun Ġorġ għal Oliver Friggieri?

Meta fl-1987 kien mar ikellem lis-soċji tal-Museum fid-Dar Ġenerali tal-Blata l-Bajda kien temm id-diskors tiegħu billi qalilhom li Dun Ġorġ “kien bniedem li ma kienx f’postu f’din id-dinja u li għex jistenna li jmur lura f’postu. Sadattant ipprova jkaxkar lil kulħadd miegħu, bil-kelma li kienet azzjoni, u bl-azzjoni li żvugat fil-kelma.”

Fl-istess okkażjoni kien qal, “Dun Ġorġ kien raġel differenti, li jqanqal il-kurżità u jħajrek tiskoprih. Mhix differenza newtrali jew astratta, ladarba kienet riżultat ta’ qdusija miksuba. Fil-qasam tal-kitba jitqies bħala kittieb li ta kontribut mill-akbar lill-poplu. Fil-qasam tal-prietki jitfakkar bħala kelliem isammar eluf ta’ nies għall-ħinijiet twal. Fil-qasam tal-ħidma soċjali jitqies bħala filantropu għaliex għallem u ħoloq kuxjenza u ġabar it-tfal kull filgħaxija. Fil-qasam tal-organizzazzjoni jitqies bħala l-fundatur ta’ moviment li nfirex mal-pajjiż kollu u lil hinn minnu… L-impressjoni ewlenija tibqa’ ddur f’moħħna, aħna li kellna x-xorti li narawh jitkellem qisu stordut ma’ Alla tiegħu, aħna li għandna d-dmir inqajmuh mill-qabar u nagħtuh lil żmienna, lil kulħadd, u l-aktar ’il barra minn dawn il-ħitan li għadhom ifuħu bil-qdusija tiegħu.”

David Aloisio

David Aloisio (1979) qatta’ tfulitu fl-oqsma tal-Museum ta’ San Ġwann, San Ġiljan u ta’ Pembroke u kien għamel ukoll xi snin soċju tal-Museum. Illum huwa segretarju tal-Grupp Familji assoċjati mal-Museum. Huwa senior lecturer u kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College, fi ħdan l-Università ta’ Malta. Ġab id-dottorat mill-istess università permezz ta’ studju dwar il-kanonu letterarju fil-kuntest letterarju Malti.

Aloisio ħa sehem f’konferenzi, kiteb papers u ppubblika kotba relatati mat-tagħlim tal-letteratura Maltija; kiteb ukoll għadd ta’ kotba letterarji, fosthom tnejn li rebħu premju nazzjonali, “Only in Ħal Biżarr” (2014) u “Ġganti” (2022). Protagonisti tax-xena letterarja Maltija bħal Trevor Żahra u Oliver Friggieri jispiraw lil Aloisio biex jibqa’ jimraħ kemm fil-kitba tal-letteratura, kif ukoll fil-kritika tagħha.

Stedina

Nistidnukom għalhekk għat-taħdita ta’ nhar il-Ħamis ta’ Dr David Aloisio li hija miftuħa għall-pubbliku inġenerali. Għal din it-taħdita mhemmx ħlas u lanqas mhemm il-bżonn li wieħed jipprenota għaliha. Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected]

Ekonomija

Sport