Wednesday, July 24, 2024

Marsa St Michael jiftħu l-kampjonat beraħ wara rebħa fuq Valletta St Paul’s

Aqra wkoll

Marsa St Michael kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 kontra l-leaders tal-klassifika Valletta St Paul’s sabiex fetħu l-kampjonat beraħ.

Kienet logħba ferm pożittiva min-naħa tal-Marsin li għarfu jieħdu vantaġġ mill-okkażjonijiet li ġewhom filwaqt li baqgħu jiddefendu sa snienhom anke meta kienu b’raġel inqas.

Is-St Michael marru minn fuq wara biss sitt minuti meta kien Ousman Jallow li għeleb lill-goalkeeper avversarju.

Mal-kwarta logħob, il-Marsin għamluhom tnejn u din id-darba kien Lamin Jaiteh li sab ix-xibka.

Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael spiċċaw b’10 min-nies wara t-tkeċċija ta’ Oussama Boutayeb.

Il-Beltin ippruvaw iżidu l-pressjoni fuq l-avversarji tagħhom iżda ftit setgħu jagħmlu sabiex jiskorjaw meta d-difensuri Marsin baqgħu sodi fid-difiża.

Minkejja t-telfa, Valletta St Paul’s baqgħu fl-ewwel post għalkemm issa jridu jħarsu lejn it-timijiet ta’ warajhom minħabba li issa hemm iktar timijiet li daħlu fil-ġlieda għat-titlu.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Gowl uniku skorjat minn Felix Mack wara kwarta logħob kien biżżejjed sabiex San Ġiljan Saints jirritornaw għar-rebħ hekk kif għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 1-0.

Kienet logħba bilanċjata biż-żewġ naħat li ma qagħdux lura biex jattakkaw għalkemm kellu jkun gowl wieħed li għamel id-differenza kollha.

Fit-tieni taqsima, it-tim minn San Ġwann beda jagħfas għall-gowl tar-rebħa iżda d-difensuri Ġiljaniżi kienu f’vena mill-aqwa sabiex xejnu kull attakk possibbli.

Referee kien Reno Galea.

Fit-tieni diviżjoni, Ta’ Ġiorni Wanderers reġgħu qabżu fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Birkirkara St Joseph 4-0.

It-tim minn Ta’ Ġiorni kien dominanti fuq l-avversarji tiegħu tant li marru minn fuq wara tliet minuti logħob minn Alexis Manthos.

Fis-26 minuta huma rduppjaw l-iskor permezz ta’ Emanuele Ferlaino li skorja l-ewwel gowl tal-istaġun tiegħu sabiex fit-tieni taqsima, Samuel Barthet u Jacob Cassar Ellis issiġġillaw ir-rebħa għat-tim tagħhom.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Mqabba Albions reġgħu daħlu fit-tiġrija għat-tieni post li jfisser ukoll promozzjoni meta għelbu lit-tim tal-qiegħ Buġibba Club de SWAT 2-1.

Minkejja r-rebħa, l-Imqabbin xejn ma sabuha faċli kontra l-avversarji minn Buġibba li marru fil-vantaġġ u kien biss fl-aħħar li taw l-inizjattiva lill-avversarji sabiex sofrew il-ħames telfa staġjonali.

Shibin Maliyekkal poġġa lil Buġibba Club de SWAT minn fuq sabiex fl-aħħar għaxar minuti tal-konfront, l-istorja nbidlet favur l-Albions li skorjaw għal darba darbtejn wara gowls ta’ Mohamed Bouta u Tristian Vella.
Referee kien Karl Stefan Galea.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Naxxar Victorians kisbu rebħa ferm importanti għall-klassifika tagħhom meta għelbu lil Ħal Far Titans 2-1. Dawn tal-aħħar kienu qed isofru t-tieni telfa konsekuttiva wara li ftit tal-ġimgħat ilu kellhom ibaxxu rashom kontra Ħamrun Amateurs.

Fabrizio Farrugia kien poġġa lin-Naxxarin minn fuq żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima sabiex Luke Busuttil ġab l-iskor indaqs fl-44 minuta.

Fabrizio Farrugia nkuruna wirja mill-aqwa meta skorja doppjetta personali fit-58 minuta u b’hekk ta rebħa li tiswa mitqlu deheb għall-Victorians.

Referee kien Alex Grech.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Paul’s 19, Swieqi Braves 18, Marsa St Michael ,San Ġiljan Saints 15, San Ġwann Pro Evolution Academy 13, Balluta Barracudas 12, Senglea Gunners 11, Valletta Stars 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 28, Ta’ Ġiorni Wanderers 17, Attard Edex Kings 16, Mqabba Albions 15, Żebbuġ Youngsters 9, Gudja Wanderers 8, Birkirkara St Joseph, Buġibba Club de SWAT 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 20, Ħal Far Titans 16, Naxxar Victorians 9, Kalkara Flames 8, Mosta Vikings 2

Ekonomija

Sport