Balzan ………….0
Neman D. …….0
(Agg: Neman 2-0)
Draw ta’ mingħajr goals ma kienx biżżejjed għal Balzan biex jiksbu l-passaġġ għat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal- UEFA Conference League, hekk kif fl-ewwel leg, li ntlagħab fi Gyor, fl-Ungerija, sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0.
B’hekk intemmet l-avventura Ewropea ta’ Balzan, biex issa l-uniċi żewġ timijiet Maltin li fadal f’din il-kompetizzjoni huma Gzira United u Hamrun Spartans.
Kollox ma’ kollox kienet partita bilanċjata bir-rebħa setgħet marret kull naħa u biż-żewġ timijiet ikollhom il-waqtiet pożittivi u l-mumenti tagħhom.
Neman urew supremazija territorjali fl-ewwel taqsima għalkemm ta’ min wieħed jirrimarka li Balzan ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor.
Dan sabiex fit-tieni taqsima, il-logħob inqasam fuq kull naħa, biż-żewġ timijiet jersqu bosta drabi li jiżblukkaw l-iskor.
Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu meta, fl-10 minuta, xutt insidjuż minn ġol-kaxxa ta’ Aleksa Andrejic ġie mxellef għall-corner minn difensur avversarju.
Huma komplew fuq l-offensiva u seba’ minuti wara, Angel Torres kellu xutt minn tarf il-kaxxa li ntemm għoli.
Il-Belarussi wieġbu fl-24 minuta meta Oleg Evdokimov qabeż tajjeb żewġ players ta’ Balzan qabel kellu x-xutt tiegħu jiġi mxellef f’corner.
Balzan regġħu ħolqu l-periklu fid-39 minuta meta wara azzjoni maħduma tajjeb, konklużjoni ċentrali u fil-baxx ta’ Andrejic ġiet salvata mill-goalkeeper Konstantin Rudenok.
L-ewwel azzjoni perikoluża fit-tieni taqsima waslet fl-64 minuta meta Andrey Yakimov xeħet cross għan-nofs bil-ballun jaħbat mal-captain ta’ Balzan, Paul Fenech, u kważi nganna bil-goalkeeper sieħbu, Danilo Golovic, li dawwar tajjeb f’corner.
Balzan irrispondew fit-73 minuta meta Samir Arab kellu cross-shot li ntemm fuq is-saqaf tax-xibka.
Iżda fil-81 minuta kienu Neman li resqu viċin meta Sergei Karpovich kellu l-konklużjoni tiegħu salvata minn fuq il-linja fatali mid-difensur André Prates.
Fl-aħħar minuti, Balzan żiedu l-pressjoni iżda sabu difiża ferm kumpatta u organizzata li annullat għal kollox l-attakki tagħhom.
BALZAN.: 99-Danilo Golovic, 2-Ivan Bozovic, 27-Momcilo Raso, 4-André Prates, 5-Samir Arab (19-Nikola Zerjal 82), 18-Ryohei Michibuchi (7-Triston Caruana 63), 8-Paul Fenech (6-Marcus Grima 75), 21-Jake Grech (80-Evandro Gomes 82), 77-Aleksa Andrejic, 17-Peter Olawale, 10-Angel Torres – Coach: Oliver Spiteri
NEMAN D.: 16-Konstantin Rudenok, 4-Andrey Vasiljev, 20-Ivan Sadovnichy, 5-Egor Parkhomenko, 8-Yuri Pantya, 22-Alimardon Shukurov, 47-Mikhail Kuzlov (46-Aleksey Legchilin 84), 33-Sergei Karpovich, 24-Andrey Yakimov (32-Yuri Pavlyukovets 84), 15-Oleg Evdokimov (7-Roman Papariga 67) (71-Anton Suchkov 79), 17-Egor Zubovich (18-Maxim Kravtsov 79) – Coach: Igor Kovalevich
REFEREE: Ioannis Papadopoulos (Greċja)
ASS. REFEREES: Vasileios Nikolakakis, Konstantinos Nikolaidis (Greċja)
RABA’ UFF: Evangelos Manouchos (Greċja)
SKORERS: Ħadd
AMMONITI: A. Torres, P. Olawale (B), E. Parkhomenko (NG)