Sunday, May 19, 2024

UCL: Borussia Dortmund l-ewwel finalisti

Aqra wkoll

PARIS ST GERMAIN …………0    

BORUSSIA DORTMUND …….1

(Aggregate: Borussia Dortmund 2-0)

Borussia Dortmund se jikkontestaw it-tielet finali tal-UEFA Champions League meta fit-tieni leg tas-semi-finali għelbu lil Paris St-Germain bl-iskor ta’ 1-0 għal aggregate ta’ 2-0.

Minkejja li l-partita bdiet fuq nota kemmxejn kwieta, il-Pariġini kienu aktar avventurużi fit-tentattiv li jiksbu goal kmieni konxji mill-fatt li bdew fi żvantaġġ ta’ goal.

Madankollu l-ewwel periklu wasal min-naħa ta’ Dortmund meta, fit-13-il minuta, Niclas Fullkrug niżżel b’sidru lejn Karim Adeyemi li minn pożizzjoni ideali ra t-tentattiv tiegħu jiġi mblukkat fil-ħin.

Fl-20 minuta, Julian Ryerson, ta l-illużjoni li l-Ġermaniżi fetħu l-iskor iża x-xutt tiegħu ħabat max-xibka ta’ barra biex il-partitarji Franċiżi setgħu jieħdu nifs qawwi.

L-ewwel attakk ta’ PSG wasal fis-27 minuta meta Kylian Mbappe għadda lejn Vitinha li mill-viċin falla l-mira.

Tliet minuti wara, Ousmane Dembele bidel il-ballun ma’ Warren Zaire-Emery iżda l-cross tiegħu fil-baxx ġie  nnewtralizzat f’corner minn Nico Schlotterbeck.

Fil-35 minuta, Kylian Mbappe naqas li jagħmel kuntatt mill-cross ta’ Fabian Ruiz biex seta’ għamel il-ħsara għall-Franċiżi … u mill-istess kontrattakk, Borussia resqu ferm viċin imma t-tentattiv ta’ Adeyemi ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper Pariġini, Gianluigi Donnarumma.

Peró, ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Dortmund fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, Mats Hummels tħallu żmarkat waħdu u minn b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Donnarumma.

Kien goal li fixkel għal kollox lill-Pariġini minħabba li riedu żewġ goals biex jisfurzaw il-ħin barrani.

Fil-61 minuta, huma resqu viċin li jnaqqsu l-iskor iżda minn taħt il-lasti Vitinha għamel l-impossibbli u xeħet għoli.  Fil-65 minuta, PSG ħasbu li kellhom penalty iżda l-foul ta’ Hummels fuq Dembele sar eżatt barra l-kaxxa.

Fis-78 minuta, Hummels kellu goal ġustament imħassar għal offside.

Fis-87 minuta, Mbappe kien sfortunat meta ġie mċaħħad mill-mimduda … biex ma kinitx il-lejla tal-Pariġini …  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport