Meta ntlagħab it-tieni programm tat-tieni ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, Erling Haaland seraq ix-xena meta skorja l-goal tar-rebħa għal Manchester City kontra l-ex team tiegħu Borussia Dortmund għal skor ta’ 2-1.
Grupp A – Fil-partita bejn Rangers u Napoli kien hemm drama kbira meta fis-57 minuta, Napoli ngħataw penalty iżda Piotr Zielinski fallieh u mir-rebound Matteo Politano skorja. Peró kellu jerġa’ jingħata fuq insistenza tal-VAR. Mill-istess 11-il metru, Zielinski ra lil-goallkeper Allan McGregor jerġa’ jilqa’ t-tentattiv tiegħu.
Iżda mbagħad Napoli skorjaw tliet darbiet minn Politano (68 pen) u mbagħad Giacomo Raspadori (87), Tanguy Ndombele (93).
Rangers kellhom lil James Sands (55) għal żewġ karti sofor.
Grupp E – Milan għelbu lil Dinamo Zagreb bl-iskor ta’ 3-1. Huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Olivier Giroud (45 pen) u Alexis Saelemaekers (47). Iżda f’azzjoni mill-isbaħ Mislav Orsic (56) reġa’ daħħal lill- Kroati fil-partita.
Madankollu, 13-il minuta mit-tmiem, Tommaso Pobega aċċerta r-rebħa għar- Rossoneri.
Taħt it-tmexxija l-ġdid tal-coach Graham Potter, Chelsea affrontaw lil RB Salzburg u kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 1-1.
Kien Raheem Sterling (48) li fetaħ l-iskor għall- Pensioners iżda Noah Okafor (75) kiseb id-draw għat-team Awstrijak.
Grupp F – Real Madrid għelbu lil RB Leipzig bl-iskor ta’ 2-0 b’goals minn Federico Valverde (80) u Marco Asensio (91).
Celtic kisbu l-ewwel punt meta barra minn darhom spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Shakhtar Donetsk tal-Ukrajna.
L-Iskoċċiżi fetħu l-iskor minn auto-goal ta’ Artem Bondarenko (10) iżda Mykhailo Mudryk (29) kiseb id-draw għat-team ospitu.
Grupp G – Manchester City ospitaw lil Borussia Dortmund u rebħulhom 2-1 fi spazju ta’ tliet minuti.
Wara taqsima mingħajr goals, kien Jude Bellingham (56) li fetaħ l-iskor għall- viżitaturi. Iżda John Stones (80) b’xutt minn tarf il-kaxxa kiseb id-draw għat-team immexxi minn Pep Guardiola … u l-ex player ta Borussia, Erling Haaland (83), kiseb il-goal tar-rebħa fl-uniku xutt li ta matul il-partita kollha.
Grupp H – Benfica marru għand Juventus u dawru telfa f’rebħa bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn minn penalty ta’ Joao Mario (43) u David Neres (55) wara li Arkadiusz Milik (4) fetaħ l-iskor għall-Bianconeri.
Paris St Germain marru għand Maccabi Haifa u rebħu bl-iskor ta’ 3-1.
Kien Tjarron Chery (24) li fetaħ l-iskor għall-Iżraeliti iżda Lionel Messi (37), Kylian Mbappe (69) u Neymar (87) taw ir-rebħa lill-Pariġini.