Hibernians waslu fl-Irlanda eżattament fil-belt kapitali ta’ Dublin fejn nhar it-Tlieta fit-8.30pm se jkunu qed jaffrontaw lil Shamrock Rovers fil-logħba valida mill-ewwel round preliminari tal-UEFA Champions League.
Hibernians ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat bi preparazzjoni għal dan il-konfront fejn kellhom ukoll partiti ta’ ħbiberija u kisbu riżultati pożittivi. Huma kellhom ukoll sensiela ta’ akkwisti fosthom id-difensur Kurt Shaw, Rodolfo Soares u Gonzalo Llerena, il-goalkeeper Justin Haber u l-attakkant Terence Groothusen.
Dan se jkun it-tielet konfront ta’ Hibernians kontra avversarji Irlandiżi. Lura għal 1979 huma tilfu 2-1 kontra Dundalk filwaqt li fl-2002 irnexxielhom jeliminaw lil Shelbourne FC bl-iskor aggregate ta’ 3-2.
Neqsin għall-Pawlsiti se jkunu l-captain Bjorn Kristensen, Ferdinando Apap u Andrei Agius wara li se jkunu qed jiskontaw sospensjoni mill-istaġun li għadda.