Meta llum jingħata bidu għall-Fażi tal- Gruppi tal-UEFA Champions League, iċ-champions Manchester City jibdew id-difiża tagħhom kontra Red Star Belgrade.
Jidher li t-team immexxi mill-coach, Pep Guardiola, huwa armat tajjeb hekk kif fil-Premier League Ingliż irreġistra ħames rebħiet minn daqstant partiti.
Min-naħa tas-Serbi, jinżlu bi pjan difensiv fit-tentattiv li jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.
Kevin De Bruyne għadu nieqes għas-City iżda jirritornaw Mateo Kovacic, John Stones u Jack Grealish li kienu neqsin fir-rebħa ta’ 3-1 fuq West Ham.
Milan v Newcastle – AC Milan jospitaw lil Newcastle hekk kif ġejjin minn umiljazzjoni ta’ 5-1 kontra r-rivali eterni, Inter.
B’hekk il-coach, Stefano Pioli, irid jagħraf kif jgħolli l-moral tal-players tiegħu.
Min-naħa l-oħra, Newcastle temmew sensiela ta’ tliet telfiet meta rreġistraw rebħa ta’ 1-0 fuq Brentford.
Fikayo Tomori mistenni jirritorna għar-Rossoneri filwaqt li Pierre Kalulu u Ismael Bennacer qed jirkupraw minn injury.
Joe Willock, Emil Krafth u Joelinton se jkunu neqsin għall-Magpies għall-istess raġuni.
Dan il-konfront se jkun speċjali għall-eks player tar-Rossoneri, Sandro Tonali.
Bayern M. v Man Utd – Manchester United jirritorna f’din il-kompetizzjoni wara nuqqas ta’ sentejn b’partita mill-aktar diffiċli għand Bayern Munich.
Bħalissa l-moral tar-Red Devils jinsab baxx ħafna minħabba problemi li żvolġew fil-ground u barra bil-coach, Erik ten Hag, għandu biċċa xogħol diffiċli biex idawwar il-vapur fid-direzzjoni t-tajba.
Iċ-champions Ġermaniżi jibdew favoriti li jirbħu dan il-konfront fejn l-attenzjoni tkun mixħuta fuq l-attakkant internazzjonali Ingliż, Harry Kane, li għal dawn l-aħħar 18-il xahar, il-United kienu nteressati fis-servizzi tiegħu iżda spiċċa biex iffirma mal-Bavarjani.
Huma se jkollhom lil Raphael Guerreiro u Kingsley Coman neqsin filwaqt li l-United ma jistgħux jagħmlu użu minn Luke Shaw u Mason Mount … għax jinsabu mweġġgħin.
Arsenal v PSV Eindhoven– Arsenal irritornaw f’din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-2016/17 wara li waslu sal-kwarti-finali fi tliet staġuni konsekuttivi bejn l-2007/08 u l-2009/10.
Min-naħa l-oħra, l-assenza mill-fażi tal-gruppi ta’ PSV tmur lura għall-istaġun 2018/19.
Minkejja li l-Gunners se jkunu qed jilagħbu f’darhom, iridu juru rispett massimu lejn it-team Olandiż minħabba li jista’ jissorprendi.
Huma għandhom lil Jurrien Timber nieqes minħabba li qed jirkupra minn injury.
Real Sociedad v Inter – Real Sociedad kisbu post f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża b’mod sorprendenti meta temmew fir-raba’ post ta’ La Liga.
Min-naħa tagħhom Inter kisbu t-tielet post fis-Serie A, u kellhom ukoll mixja memorabbli f’din il-kompetizzjoni fl-istaġun li għadda meta waslu sal-finali iżda sfaw megħluba minn Manchester City.
Fil-veritá din hija partita delikata għan-Nerazzurri minkejja li ġejjin minn rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Milan fil-kampjonat Taljan.
Iżda, bla dubju, għandhom il-potenzjal biex joħorġu bit-tliet punti minn Spanja.
L-uniku player nieqes se jkun Stefano Sensi li qed jirkupra minn injury.
Braga v Napoli – Braga jospitaw lil Napoli f’konfront li għandu jitqies bħala wieħed diffiċli għaċ-champions Taljani.
Braga assiguraw posthom fl-ogħla livell Ewropew wara aktar minn għaxar snin meta kisbu rebħa ta’ 1-0 fil-partita tat-tieni leg tal-play-offs kontra Panathinaikos. Din wasslet għal rebħa bl-aggregate ta’ 3-1 fuq it-team Grieg.
Bħalissa Napoli mhumiex għaddejjin minn forma tajba, tant, li fil-kompjonat Taljan kisbu punt wieħed biss mill-aħħar żewġ partiti – telfa kontra Lazio (2-1) u draw kontra Genoa (2-2).
Huma se jkollhom il-players kollha għad-dispożizzjoni.