Monday, December 9, 2024

UCL: Jispikka l-konfront bejn Liverpool u Real Madrid

Aqra wkoll

Meta llum u għada tintlagħab il-ħames ġurnata tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League, il-konfront bejn Liverpool u Real Madrid jiżboq kull wieħed ieħor meta dawn iż-żewġ ġganti jiltaqgħu f’Anfield. 

F’dan l-istadju kull partita hija kruċjali minħabba li l-klassifika tibda tifformula lilha nnifisha u bl-istampa tibda tiċċara b’dawk it-timi­jiet li jistgħu jispiċċaw fl-ewwel tmien postijiet u dawk li jistgħu jikkwalifikaw għall-Aħħar 16.  

Liverpool v Real Madrid – Din hija l-aktar partita mistennija bejn żewġ timijiet li ltaqgħu fit-tliet finali ta’ din il-kompetizzjoni b’Real Madrid jirbħu tnejn minnhom. 

Peró il-pożizzjonijiet att­wali tagħhom f’dan l-ista­ġun huma  kuntrastużi. Filwaqt li Liverpool huma l-leaders assoluti b’punti massimi minn erba’ logħ­biet, Real Madrid jinsabu fit-18-il post, b’sitt punti biss. 

Rebħa għal Liverpool ikun ifisser pass kbir li jik­kwalifikaw mal-ewwel tmienja u jkomplu jkab­bru l-problemi għall-Mad­rileni li bħala champions renjanti ikomplu jitilfu l-postijiet fil-klassifika. 

Fl-erba’ logħbiet pre­ċe­denti, ir-Reds għelbu lil Milan (3-1), Bologna (2-0), Leipzig (1-0) u Bayer Leverkusen (4-0). 

Real Madrid għelbu lil Stuttgart (3-1) u Borussia Dortmun (5-2) iżda tilfu kontra Lille (1-0) u Milan (3-1).   

Ir-Reds ma jistgħux jin­kludu lill-imweġġgħin,   il- goalkeeper Alisson Becker u lil Federico Chiesa, Trent Alexander-Arnold u Dio­go Jota.  Min-naħa ta’ Los Blancos għandhom  neqsin lill-goalkeeper, Thibaus Courtois, u lil Rodrygo, Lu­cas Vasquez u lil Dani Carvajal filwaqt li Aurelien Tchouameni u Vinicius Jr hu­ma dubjużi.   

Man City v Feyenoord – Manchester City jiltaqgħu kontra Feyenoord fejn jimmiraw li jwaqqfu s-sensiela negattiva ta’ ħames telfiet konsekuttivi fil-kompetiz­zjonijiet kollha. 

Huma jinsabu fl-10 post, b’żewġ rebħiet, draw u telfa waqt li għelbu lil Slovan Bratislava (4-0) u lil Sparta Prague (5-0), spiċċaw fi draw kontra Inter (0-0) iżda tilfu kontra Sporting Lisbon (4-1). 

Feyenoord jinsabu fil-21 post, b’żewġ rebħiet kontra Girona (3-2) u Benfica (3-1) u żewġ telfiet kontra Leverkusen (4-0) u Salzburg (3-1). 

Is-City għandhom bosta players li qed jirkupraw minn injury fosthom Rodri, Oscar Bobb, Ruben Dias filwaqt li Jeremy Doku huwa dubjuż. 

Sporting v Arsenal – Arsenal għandhom partita diffiċli meta jmorru għand Sporting li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika. 

Il-Gunners jinsabu fit-12-il post, b’żewġ rebħiet, draw u telfa. 

Huma għelbu lil Pa­ris SG (2-0) u Shakhtar Do­netsk (1-0), spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Atalanta u tilfu kontra Inter (1-0).  

Sporting kisbu tliet reb­ħiet kontra Lille (2-0), Sturm Graz (2-0) u Manchester City (4-1) u temmew fi draw ta’ 1-1 kontra PSV.

Il-Gunners se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Kieran Tierney u Ta­kehiro Tomiyasu min­ħabba li jinsabu mweġġgħin filwaqt li Ben White huwa dubjuż. 

Aston Villa v Juventus – Aston Villa, li ġejjin minn telfa ta’ 1-0 għand Club Brugge, jilqgħu lil Juventus f’partita delikata.

Peró t-team Ingliż rebaħ t-tliet logħbiet preċedenti kontra Young Boys (3-0), Bayern Munich (1-0) u Bologna (2-0) biex jinsab fit-tmien post tal-klassifika. 

Juventus, li fis-sitt ġurnata jilqgħu lil Manchester City, jinsabu fil-11-il post meta kisbu żewġ rebħiet, draw u sofrew telfa. 

Huma għelbu lil PSV   (3-1), Leipzig (3-2), temmew fi draw kontra Lille (1-1) u sfaw megħluba f’darhom minn Stuttgart (1-0). 

Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players neqsin li qed jirkupraw minn injury … Ezri Konsa, Boubacar Kamara, Ama­dou Onana u Jacob Ramsey għal Aston Villa u Bremer, Vasilije Adzic, Juan Cabal, Douglas Luiz, Noco Gonzalez, Dusan Vla­hovic u  Arkadiusz Milik għal Juventus. 

Inter v Leipzig – Inter, li jinsabu fil-ħames post b’10 punti, jilqgħu lil Leipzig.

In-Nerazzurri rreġistraw tliet rebħiet kontra Red Star (4-0), Young Boys (1-0) u Arsenal (1-0) filwaqt li temmew fi draw ta’ 0-0 kontra Manchester City.

Min-naħa tagħhom il- Ġermaniżi għadhom qed ifittxu l-ewwel punti u jinsabu qrib l-eliminazzjoni. 

Huwa tilfu kontra Atletico Madrid (2-1), Juventus (3-2), Liverpool (1-0) u Cel­tic (3-1).  

In-Nerazzurri għandhom biss lil Francesco Acerbi dubjuż. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport