Sunday, December 22, 2024

UCL: Jonqos erba’ timijiet biex jikkwalifikaw mal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Meta llum u għada tintlagħab is-sitta u l-aħħar ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, jonqos erba’ timijiet oħra biex ikun komplet ir-round tal-Aħħar 16. 

S’issa t-12-il team li kkwalifikaw huma, Arsenal, Atletico Madrid, Barcelona, Bayern Munich, Borussia Dortmund, Inter, Lazio, Lei­pzig, Manchester City, PSV Eindhoven, Real Madrid u Real Sociedad. 

Barra minn hekk iridu jkun magħrufa wkoll it-tmien timijiet li se jilagħbu fil-UEFA Europa League. 

S’issa Feyenoord u Young Boys biss huma aċċertati li fir-round li jmiss se jilagħbu f’din il-kompetizzjoni. 

Intant, l-aktar grupp interessanti huwa dak A, min­ħabba li hemm tliet timijiet  li qed jimmiraw li jtemmu fit-tieni post. 

Filwaqt li Galatasaray imorru jilagħbu għand Copenhagen, Manchester United jilqgħu lil Bayern Munich. 

Id-destin tal-United ma jinsabx biss f’idejhom. Huma jikkwalifikaw biss jekk jegħlbu lil Bayern Munich u l-partita l-oħra tin­temm fi draw. 

Jekk il-partita bejn Copenhagen u Galatasary ikol­lha rebbieħ, Manchester Uni­ted jistgħu jispiċċaw fit-tielet post u jmorru jilagħbu fl-Europa League. 

Jekk min-naħa l-oħra ma jirnexxielhomx jegħlbu lil Bayern, ir-Red Devils jiġu eliminati minn kollox minħabba l-inferjoritá tal-konfronti diretti kontra Copenhagen u Gala­tasaray. 

Minkejja li l-pressjoni tinsab kollha fuq it-team immexxi mill-manager, Erik ten Hag, u l-moral jinsab baxxa wara t-telfa ta’ 3-0 kontra Bournemouth fil-kampjonat, huma se ji­lagħbu kontra avversarji li ġejjin minn umiljazzjoni ta’ 5-1 kontra Eintracht Frankfurt fil-Bundesliga. 

Barra minn hekk it-team Ġermaniż ma għandu l-ebda motivazzjoni għal din il-logħba għax huwa aċċertat mill-ewwel post. 

Minn Grupp B, Napoli jonqoshom punt biex jikkwalifikaw meta jospitaw lil Braga li jinsabu tliet punti taħthom. 

Għalkemm fil-football jista’ jseħħ kollox, se tkun diffiċli għat-team Portugiż biex jissupera dan l-ostaklu. 

Dan minħabba li jridu jirbħu b’vantaġġ ta’ żewġ goals wara li f’darhom ħar­ġu telliefa kontra l-istess Par­tenopei bl-iskor ta’ 2-1. 

Grupp F għadu miftuħ beraħ hekk kif Paris St-Germain, Newcastle u Milan, qed jissieltu għat-tieni post bid-differenza ta’ bejniet­hom hija dik ta’ żewġ punti biss. 

Paris St-Germain imorru jilagħbu għand Borussia Dortmund li rebħu l-grupp.

Rebħa tibbukkja post lill-Franċiżi mal-Aħħar 16. 

Riżultat ta’ draw jkun biżżejjed għalihom jekk il-partita bejn Newcastle u Milan tintemm bl-istess mod. 

F’każ li l-Pariġini jis­piċ­ċaw fi draw u Newcastle jegħ­lbu lil Milan, ikunu l-Ingliżi li jikkwalifikaw min­ħabba li fil-konfronti diretti l-Magpies rebħu partita bl-oħra tintemm fi draw.

Jekk min-naħa l-oħra jirb­ħu Milan, jgħaddu PSG minħabba s-superjoritá tal- konfronti diretti. 

PSG jistgħu jikkwalifi­kaw ukoll jekk jiġu megħluba u l-logħba bejn Newcastle u Milan tintemm fi draw. 

Fi Grupp H, punt ikun biżżejjed għal Porto me­ta jilqgħu lil Shakhtar Do­netsk li t-tnejn għandhom disa’ punti. 

Dan minħabba li fl-ew­wel partita, il-Portugiżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.

Ekonomija

Sport