Manchester City u Leipzig huma l-ewwel żewġ timijiet li għaddew għar-round tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League meta fir-raba’ ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi, rebħu l-partita rispettiva tagħhom.
Grupp E
Atletico M. v Celtic – Atletico Madrid għelbu lil Celtic bl-iskor ta’ 6-0 biex dawn tal-aħħar ġew eliminati. L-iskorers kienu Antoine Griezmann (6, 60), Alvaro Morata (45, 76), Lino (66) u Saul Niguez (84), filwaqt li Celtic kellhom lil Daizen Maeda (23) imkeċċi.
Lazio v Feyenoord – Lazio telgħu fit-tieni post grazzi għar-rebħa ta’ 1-0 fuq Feyenoord.
Il-goal importanti wasal minn Ciro Immobile fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima.
Grupp F
Borussia D. v Newcastle – Newcastle ħadu daqqa ta’ ħarta kbira fit-tentattiv li jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni meta f’darhom sfaw megħluba minn Borussia Dortmund bl-iskor ta’ 2-0, b’goals minn Niclas Fullkrug (26) u Julian Brandt (79).
Milan v Paris SG – Milan daħlu biċ-ċans li jikkwalifikaw għar-round li jmiss meta ospitaw lil Paris St-Germain u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1.
Kienu l-Pariġini li fetħu l-iskor minn Milan Skriniar (9) iżda Rafael Leao (12) u Olivier Giroud (50) dawru l-iskor favur ir-Rossoneri.
Grupp G
Man City v Young Boys – Manchester City ma sabu l-ebda diffikultá biex għelbu lill-Isvizzeri ta’ Young Boys bl-iskor ta’ 3-0.
Il-protagonista reġa’ kien Erling Haaland (23 pen, 51) li skorja doppjetta, bil-goal l-ieħor jasal minn Phil Foden (45).
Young Boys kellhom lil Sandro Lauper (53) għal żewġ karti sofor.
Red Star v Leipzig – Leipzig marru s-Serbja u għelbu lil Red Star Belgrade bl-iskor ta’ 2-1 biex ingħaqdu ma’ Manchester City fir-round tal-Aħħar 16.
ll-goals tal-Ġermaniżi ġew skorjati minn Xavi Simons (8) u Lois Openda (77) filwaqt li Guelor Kanga (81) irrisponda għat-team ospitu.
Grupp H
Shakhtar v Barcelona – F’partita li ntlagħbet f’Hamburg, Shakhtar Donetsk għelbu lil Barcelona bl-iskor ta’ 1-0 biex fetħu dan il-grupp beraħ u ħarbtu l-pjani ta’ Barcelona milli jikkwalifikaw.
L-uniku goal ġie skorjat minn Danylo Sikan (40).
Porto v Antwerp – Porto laħqu lil Barcelona fl-ewwel post (iżda b’differenza ta’ goals aħjar) meta għelbu lil Antwerp bl-iskor ta’ 2-0 bl-iskorers ikun Evanilson (32 pen) u Pepe (92).
Il-Belġjani kellhom lil Jurgen Ekkelenkamp (52) imkeċċi.