Fl-ewwel partita tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, Manchester United sofrew goal drammatiku fil-ħin miżjud biex sfaw megħluba minn Young Boys bl-iskor ta’ 2-1 minkejja li r-Red Devils fetħu l-iskor minn Cristiano Ronaldo.
F’din il-partita l-attakkant Portugiż laħaq ir-rekord ta’ Iker Casillas ta’ 177 dehra f’din il-kompetizzjoni. Huwa fetaħ l-iskor wara 13-il minuta meta kkonkluda mill-pass ta’ Bruno Fernandes.
Iżda mill-35 minuta beda jberraq għat-team immexxi mill-coach Ole Gunnar Solskjaer meta tkeċċa Aaron Wan-Bissaka għal daħla perikoluża fuq Christopher Martins.
Bi player nieqes, ir-Red Devils irtiraw lura fit-tenattiv li jżommu l-vantaġġ iżda fis-66 minuta, Moumi Ngamaleu kiseb id-draw għat-team ospitu.
U bil-partita kienet tidher li se tintemm fi draw, fil-95 minuta, is-sostitut Jesse Lingard ikkommetta żball li ppermetta lil Jordan Siebatcheu jixħet lill-partitarji ta’ Young Boys f’dellirju ta’ ferħ għal dan is-suċċess storiku.