Friday, April 19, 2024

Imħabbar investiment multi-miljunarju fid-De La Rue… ħolqien ta’ 100 impjieg ta’ kwalità

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment multi-miljunaru bħala parti mill-proġett ta’ espansjoni li qed tagħmel il-kumpanija De La Rue ġewwa pajjiżna. Permezz ta’ dan l-investiment se jinħolqu 100 impjieg ta’ kwalità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħaxija, Abela qal li permezz ta’ dan l-investiment f’Malta se jkollna l-ikbar fabbrika f’dak li jirrigwardja l-istampar tal-flus fil-portafol kollu ta’ din il-kumpanija dinjija.

Spjega ukoll li grazzi għal dan l-investment, din il-kumpanija, li ilha tikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija għal dawn l-aħħar 46 sena, se tkun fil-pożizzjoni li tipproduċi aktar minn 2 biljuni karti tal-flus f’sena. Dan il-fatt, u bosta elementi oħra, jagħmlu din il-kumpanija tassew ċentru ta’ eċċellenza f’dak li jirrigwardja l-istampar tal-flus.

Abela qal li din il-fiduċja mġedda fl-għażla tal-gżejjer Maltin tiġġenera f’din l-amministrazzjoni aktar kuraġġ u ottimiżmu biex ikomplu jmexxu l-pajjiż ‘il quddiem.

Filwaqt li xi wħud setgħu tefgħu dubji dwar is-sostenibbiltà tal-industrija tal-manifattura ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qal li din l-amministrazzjoni żammet soda fil-konvinzjoni tagħha li dan is-settur għandu ġranet sbieħ quddiemu.

Abela qal: “Dan l-investiment jikkonferma li r-reżiljenza tista’ u se tagħmel id-differenza kollha. Is-saħħa, il-kreattività u fuq kollox il-fiduċja reċiproka dejjem jegħlbu l-ostakli u jiġġeneraw riżultati.”

Abela qal li dawn l-aħħar 18-il xahar ma kienux żminijiet faċli għal kulħadd fejn ħafna kienu qed jipprevedu futur diffiċli għall-esportaturi f’Malta.

Il-Prim Ministru ikkumpara l-pandemija tal-Covid-19 mal-kriżi ekonomika tal-2008 u l-politika ta’ awsterità li kien hemm dak iż-żmien imħaddna mill-amministrazzjoni preċedenti. Qal li bħala gvern ma għażlux li jmorru għal din it-tip ta’ politika iżda għażlu li jmorru għal politika ekonomika progressiva. Minflok il-politika ta’ awsterità li użat l-amministrazzjoni preċedenti, Abela fisser li dan il-gvern qatt ma waqaf milli jgħin lin-nies u lin-negozji inkluż fil-mumenti diffiċli. 

Qal li filwaqt li pajjiżi oħra għadhom qed isibuha diffiċli, pajjiżna beda jikseb tragwardi impressjonanti. Fost l-oħrajn għal darb’oħra rrefera għall-fatt li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Semma wkoll il-ħolqien ta’ 9,000 impjieg ġdid waqt il-pandemija.

Minkejja li l-kumpanija De La Rue ilha ġewwa Malta għal dawn l-aħħar 46 sena, l-istorja tagħha tmur lil hinn minn dak iż-żmien. Dan hekk kif din il-kumpanija ilha mitejn sena u li fil-bidu bdiet bħala kumpanija li tagħmel il-gazzetti. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li s-suċċess ta’ Malta fil-qasam tal-manifattura huwa li jattira kumpaniji tal-livell globali bħalma hija De La Rue. Huwa qal li b’dan il-ftehim qed jiġi assigurat li d-De La Rue tikkommetti l-investiment f’Malta, li tibqa’ żżid l-impjiegi u saħansitra jkollha f’Malta l-ikbar fabbrika fl-istampar tal-flus fil-portofol kollu ta’ din il-kumpanija dinjija.

Farrugia ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed ambizzjuż u li jikkonferma kemm Malta għadha attraenti għall-investiment globali speċjalment fil-manifattura.

Qal li permezz ta’ dan l-investiment mhux biss se nkunu qed naraw li d-De La Rue jżidu faċilità oħra f’Malta u kważi jirduppjaw il-footprint tagħhom, iżda saħansitra se jkunu qed iżiedu mitt karriera ta’ kwalità.

Is-CEO ta’ De La Rue Global, Clive Vacher, qal li r-Renju Unit għandu rabtiet mill-qrib ma’ Malta u ż-żewġ pajjiżi żviluppaw sħubija kbira. Qal li din ir-relazzjoni hija riflessa bejn De La Rue u l-gvern ta’ Malta. 

Spjega li l-għan tagħhom huwa li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal dan il-pajjiż u żied jgħid li ħafna klijenti jagħżlu li jiġu Malta u jagħżlu li xogħolhom isir f’Malta. Spjega li l-faċilità l-ġdida se tkun akbar, aktar moderna u aktar ambjentalment effiċjenti.

Sport