Tuesday, December 24, 2024

UCL: Mil-lum jibda jintlagħab it-tieni leg tal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Bejn illum u għada jintlagħbu l-ewwel erba’ partiti mit-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Cham­pions League li jkunu segwiti mill-erbgħa li jkun fadal il-ġimgħa d-dieħla biex ikun komplet il-kwadru tal-kwarti-finali.

 Bl-eċċezzjoni ta’ Manchester City li kważi huma diġá kwalifikati meta jilqgħu lil FC Copenhagen b’vantaġġ ta’ 3-1, it-tliet partiti l-oħra huma miftuħin għal kull riżultat u għaldaqstant għandhom ikunu ferm interessanti.

Il-logħbiet kollha jibdew fid-9.00 pm filwaqt li r-riżultati fil-parentesi huma tal-ewwel leg. F’każ li sad-90 minuta il-partiti jintemmu bl-istess skor għan-naħa opposta, jingħata l-ħin barrani kif ukoll il-penalties jekk fl-aħħar nofs siegħa l-iskor jibqa’ ma jinbidilx.

REAL SOCIEDAD v PARIS SG (0-2)

Real Sociedad jilqgħu lil Paris St-Germain fejn iridu jirkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals, skorjati minn Kylian Mbappe u Bradley Barcola.

Fil-veritá se tkun diffiċli għat-team immexxi mill-coach, Imanol Alguacil, biex jissupera dan l-iżvantaġġ kontra team li huwa minn fost il-favoriti li jirbħu din il-kompetizzjoni. Iżda fil-football kollox jista’ jseħħ.

Iżda minn din it-telfa kontra l-Pariġini, Sociedad qatt ma rkupraw minnha minħabba li sfaw megħluba tliet darbiet minn daqstant logħbiet u għaldaqstant jinżlu għal dan il-konfront b’moral kemmxejn baxx għax bħal donnhom tilfu l-momentum għal kollox.

Aktar minn hekk, għandhom xejn inqas minn ħames players neqsin għax jinsabu mweġġgħin –  Martin Merquelanz, Alvaro Odriozola, Aihen Munoz, Carlos Fernandez u Ander Barrenetxea.

Fir-rigward ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbap­pe huwa dubjuż hekk kif fid-draw ta’ 0-0 fil-partita tal-kampjonat Franċiż kontra Monaco, huwa kellu jiġi mibdul fit-tieni taqsima minħabba li deher izappap u għaldaqstant huwa dubjuż.

Huma ma jistgħux jagħmlu użu minn Milan Skriniar, Sergio Rico, Layvin Kurzawa, Danilo Pereira, Presnel u Kimpembe li qed jirkupraw minn injury.

BAYERN MUNICH v Lazio (1-0)

Wara li fl-ewwel leg sfaw megħluba minn Lazio bl-iskor ta’ 1-0, illum Bayern Munich jimmiraw li jaqilbu r-riżultat biex jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja.

Filwaqt li t-team tas-Serie A jinsab viċin l-ewwel dehra tiegħu fil-kwarti-finali f’20 sena, iċ-champions Ġermaniżi qed ifittxu li jirbħu din il-kompetizzjoni għas-seba’ darba. 

L-uniku goal fl-ewwel leg bejn dawn iż-żewġ timijiet wasal f’nofs it-tieni taqsima meta Dayot Upamecano tkeċċa wara li kkommetta penalty, biex il-captain ta’ Lazio, Ciro Immobile, bil-kalma kollha xeħet fix-xibka mill-11-il metru.

Il-pressjoni tinsab kollha fuq Bayern hekk kif bħalissa t-team għaddej minn kriżi kbira, tant, li fil-Bundesliga jinsabu 10 punti taħt il-leaders Bayer Leverkusen, bil-coach Thomas Tuchel, mhux se jibqa’ fir-responsabbiltá.

L-istess Tuchel rebaħ din il-kompetizzjoni ma’ Chelsea, fl-2020, meta fil-finali għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 1-0.

Iżda t-tmexxija tiegħu mal-Bavarjani riesqa lejn kollass u għaldaqstant bi qbil reċiproku se jinħall minn magħhom, f’Ġunju li ġej. 

Filwaqt li huma eliminati mit-Tazza Ġermaniża u ċ-ċansijiet li jirbħu l-kampjonat huma limitati, din hija l-unika kompetizzjoni li jistgħu jirbħu.

Huma se jiffaċċjaw team li ġej minn telfa fil- kampjonat Taljan bl-iskor ta’ 1-0 kontra Milan. Peró aktar minn hekk, it-team immexxi minn Maurizio Sarri kellu tliet players imkeċċija u għaldaqstant id-dixxiplina ta’ dan it-team titpoġġa fi skrutinju.

Filwaqt li Upamecano huwa sospiż għal Ba­yern, Matthijs de Ligt mistenni li jieħu postu. Peró Sacha Boey, Kingsley Coman, Noussair Mazraoui u  Bouna Sarr qed jirkupraw minn injury filwaqt li Leroy Sane u  Serge Gnabry huma dubjużi.

Min-naħa tagħhom, Lazio għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni.

Ekonomija

Sport