Meta ntlagħab it-tieni programm tat-tieni ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, Newcastle United serqu x-xena meta umiljaw lil Paris St-Germain bl-iskor ta’ 4-1.
Grupp E
Atletico M. v Feyenoord – Atletico Madrid telgħu fil-quċċata ta’ dan il-grupp meta f’darhom dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Feyenoord bl-iskor ta’ 3-2.
Il-goals tal-Olandiżi waslu minn auto-goal ta’ Mario Hermoso (7) u David Hancko (34) iżda Alvaro Morata (12, 47 u Antoine Griezmann (45) taw it-tliet punti lit-team immexxi minn Diego Simeone.
Celtic v Lazio – Barra minn darhom, Lazio kisbu rebħa drammatika meta għelbu lil Celtic 2-1.
Kien Kyogo Furuhashi (12) li fetaħ l-iskor għall-Iskoċċiżi iżda Matias Vecino (29) u Pedro (95) taw it-tliet punti lil Lazio.
Grupp F
Borussia D. v Milan – F’partita bilanċjata, Borussia Dortmund u Milan spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.
Newcastle v Paris SG – Newcastle laqgħu lil Paris St-Germain u għelbuhom bl-iskor ta’ 4-1 biex prattikament dan kien riżultat umiljanti għall-Franċiżi.
L-iskorers tal-Magpies kieu Miguel Almiron (17), Dan Burn (39), Sean Longstaff (50) u Fabian Schar (94) … filwaqt li Lucas Hernandez (56) wieġeb għall-Pariġini.
Grupp G
Red Star v Young Boys – Red Star laqgħu lil Young Boys tal-Isvizzera u spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Cherif Ndiaye (35) u Osman Bukari (88) skorjaw għas-Serbi filwaqt li Filip Ugrinic (48) u Cedric Itten (61 pen) skorjaw għal Young Boys.
Leipzig v Man City – Iċ- champions renjanti Ewropej, Manchester City, barra minn darhom għelbu lil Leipzig bl-iskor ta’ 3-1.
Kien Phil Foden (21) li fetaħ l-iskor iżda Lois Openda (48) kiseb id-draw għal Leipzig. Peró Julian Alvarez (84) u Jeremy Doku (94) aċċertaw ir-rebħa għas-City.
Grupp H
Antwerp v Shakhtar – It-team Ukren ta’ Shakhtar Donetsk mar il-Belġju u dawwar telfa f’rebħa ta’ 3-2 kontra Antwerp.
Wara li Arbnor Muja (3) u Michel Ange Balikwisha (4) taw vantaġġ doppju lil Antwerp, Shakhtar skorjaw tliet goals minn doppjetta ta’ Danylo Sikan (48, 76) u Yaroslav Rakitskiy (71).
Fil-ħin miżjud, Antwerp fallew okkażjoni tad-deheb li jiksbu l-goal tad-draw meta Toby Alderweireld falla penalty.
Porto v Barcelona – Barcelona marru fil-belt ta’ Oporto u għelbu lil FC Porto bl-iskor ta 1-0, bl-uniku goal tal-partita jasal minn Ferran Torres (45). Huma kellhom lil Gavi mkeċċi fil-ħin miżjud.