Sunday, March 3, 2024

IR-RILEVANZA TAL-GWU F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Il-5 ta’ Ottubru ta’ kull sena jimmarka t-twelid tal-General Workers’ Union. Illum qed tiċċelebra t-80 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Matul dawn is-snin kollha, il-GWU kienet vuċi soda għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u l-prosperità ekonomika u soċjali ta’ kull ċittadin f’pajjiżna. Għalhekk ħadd u xejn ma jista’ jiċħad jew iwarrab il-post ewlieni li għandha l-GWU fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

Il-GWU stinkat u ħadmet bla heda sabiex tiżgura li l-vuċijiet tal-ħaddiema jissaħħu u jinstemgħu aktar filwaqt li d-drittijiet tagħhom jiġu protetti u fuq kollox, tinżamm id-dinjità tagħhom. Id-dinjità tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol fil-fatt hija waħda mit-temi ewlenin tal-konferenza internazzjonali li bdiet ilbieraħ u se tintemm proprju llum.

Fil-fatt, il-konferenza tal-GWU ngħatat l-isem “Nibnu Futur Aħjar: Protezzjoni Soċjali, Dinjità, Innovazzjoni, Sostenibilità.” Kif stqarrew mistiedna distinti barranin fl-ewwel jum tal-konferenza, il-GWU għandha biex tkun kburija b’ħidmietha li wasslet biex tejbet mhux biss il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema imma l-għajxien tal-familji Maltin.

Nemmnu għalhekk li f’dan l-anniversarju tal-lum m’għandniex inħarsu biss u nserrħu fuq il-kisbet tal-imgħoddi għaliex għalkemm dawn kienu importanti ferm fl-iżvilupp tal-ħaddiema, madankollu illum qed niġu affaċċjati bi sfidi ġodda li lkoll se jħallu effetti fuq id-dinja tax-xogħol partikolarment fuq il-ħajja tal-ħaddiem.
Għaldaqstant ir-rilevanza tal-GWU bħala organizzazzjoni kbira tal-ħaddiema, għadha hemm, u b’saħħitha daqs qatt qabel. Dan jixhdu l-fatt li l-GWU minn dejjem ħarset ‘il quddiem biex tantiċipa dawn l-isfidi u tipprova tmexxi ‘l quddiem soluzzjonijiet għalihom.

Il-GWU hija waħda mill-vuċijiet qawwija fid-djalogu soċjali f’pajjiżna mhux biss bl-attiviżmu tagħha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżviliup Ekonomiku u Soċjali ima wkoll bi proposti li minn żmien għal żmien tressaq biex il-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom tkompli tmur ‘il quddiem u titjieb fil-kwalità.

Għalhekk, il-GWU tibqa’ kompetenti, konsistenti u kredibbli.

Ekonomija

Sport