Sunday, November 24, 2024

UĊUĦ ĠODDA… DIFFERENZA ĊARA BEJN IŻ-ŻEWĠ PARTITI 

Aqra wkoll

Ġimgħa wara li l-Prim Ministru għamel reshuffle fil-Kabinett, kien imiss lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista biex jagħmel ir-reshuffle fis-Shadow Cabinet tiegħu. Reshuffle fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li ssejjaħ wara pressjoni kbira minn diversi bnadi. Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed seta’ jinnota li kien hemm xi ċaqliq f’ċertu responsabbiltajiet, jidher iżda li nżammu ċertu karigi mill-istess persuni, b’mod partikolari dawk li huma meq jusa tal-establishment. 

Dan bla dubju ġibed l-għajn ta’ bosta persuni u anke opinjonisti li qegħdin jistaqsu fejn hi l-fiduċja fl-uċuħ ġodda. Mhux l-istess jista’ jingħad għar-reshuffle li sar mill-Prim Ministru Robert Abela fejn bil-bidliet li wettaq fil-Kabinett daħħal uċuħ ġodda u żgħażagħ. Dan apparti li fil-jiem li għaddew tħabbar li l-kariga ta’ Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista se tkun okkupata minn persuna li hija wkoll żagħżugħa. 

Lil hinn minn dan, waħda mill-bidliet ewlenin fil-PN kienet dik li s-settur tas-saħħa mingħand Stephen Spiteri għadda għal għand Adrian Delia. Mossa li ħafna qed iqisuha li saret sabiex tipprova tnaqqas il-qasma li hemm fi ħdan l-istess partit. Fost l-akbar telliefa kien hemm ukoll Jerome Caruana Cilia li tneħħielu l-finanzi u anke Joe Giglio li ma baqax responsabbli mill-intern. B’Cilia issa jingħata l-ekonomija u Giglio l-infrastruttura. 

Dawn kienu tnejn mill-uċuħ ewlenin ġodda li wieħed kien jittama li joħorġu b’xi ideat ġodda, u li marru tajjeb ħafna fl-aħħar elezzjoni ġenerali. B’mod partikolari Giglio li għal xi żmien kien issemma wkoll għall-kariga ta’ kap tal-partit. 

Min-naħa l-oħra, tisma’ esponenti ewlenin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jgħidu li l-bidliet li qed isiru sabiex finalment l-iskop tagħhom huwa li jsaħħu l-partit biex ikun verament jista’ joffri tmexxija alternattiva għal pajjiżna. Jekk irridu li tassew ikunu Gvern alternattiv, mill-kliem iridu jgħaddu għall-fatti u tassew jibdew iressqu soluzzjonijiet li jkunu ta’ ġid għall-pajjiż. 

Fuq kollox, pajjiżna jistħoqqlu Oppożizzjoni aħjar, ċara u mhux konfuża fl-ideat tagħha. Aktar u aktar issa li ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjonijiet tal- Kunsilli Lokali u dawk tal-Parlament Ewropew 

Sport