Thursday, April 24, 2025

UDJENZA MAL-PAPA FRANĠISKU FIL-25 ANNIVERSARJU TAŻ-ŻWIEĠ TAGĦHOM

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għal John u Lucienne Bason, il-25 ta’ April huwa jum speċjali. Dan hekk kif f’din il-ġurnata jiċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Proprju għada se jkunu qegħdin jagħlqu 32 sena miżżewġin. Iżda mument li bla dubju se jibqa’ mnaqqax fil-memorja tagħhom huwa dak ta’ seba’ snin ilu, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju, meta kienu ltaqgħu personalment mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.

Tkellimna mal-koppja Bason dwar din il-laqgħa li kellhom mal-Papa, fejn spjegawlna li kollox beda meta Lucienne uriet ix-xewqa ma’ saċerdot ħabib tagħhom li jkollhom udjenza mal-Papa. Dan is-saċerdot kien kiteb ittra f’isimhom, indirizzata lis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, f’Awwissu tal-2017.

Fl-ittra jingħad li fil-25 ta’ April 2018, John u Lucienne Bason kienu se jiċċelebraw il-25 anniversarju tat-tieġ tagħhom u għalhekk ġentilment qegħdin jitolbu udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku. Dak iżda li qatt ma basru li kien se jiġri seħħ fil-verità. Proprju ftit xhur wara, f’Jannar tal-2018, irċevew ittra mis-Segretarjat tal-Papa Franġisku fejn ġew infurmati li se jkunu jistgħu jattendu għal quddiesa f’Casa Santa Marta nhar is-27 ta’ Frar tal-istess sena. 

Għal John u Lucienne din kienet aħbar mill-isbaħ li laqgħuha b’ferħ kbir u bdew minnufih jagħmlu l-preparamenti tagħhom. John jgħidilna li dakinhar tal-quddiesa kienet ġurnata ta’ kesħa kbira f’Ruma u kienet karatterizzata minn silġ qawwi. 

“Għalkemm l-akkomodazzjoni kienet madwar 10 minuti mixi ’l bogħod f’ċirkostanzi normali, minħabba f’dik il-kesħa u l-kwantità kbira ta’ silġ, kollox kien iġġammjat Ruma… it-trasport kien wieqaf. Irnexxieli nsib taxi kmieni filgħodu u niftakar dak il-lejl ma konna rqadna kważi xejn. Meta wasalna fil-post, ħadna kenn fir-residenza Paolo Sesto. Għaddejna mbagħad mis-security u qgħadna nistennew sakemm tibda l-quddiesa,” huwa żied jgħid. 

“Il-kappella kienet mimlija b’kull xorta ta’ nies, minn persuni waħedhom sa familji. L-omelija damet għaddejja madwar tmien minuti u kienet iffokata fuq il-qrar, il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni.”

Min-naħa tagħha, Lucienne fissret il-ferħ li ħasset meta wara l-quddiesa ltaqgħu għal ftit ħin mal-Papa Franġisku. “Tliet snin qabel, kont ġejt diagnosed… niftakar il-Papa kien qabadli jdejja u dak il-ħin ħassejt bħal fejqan intern u fiżiku. Kienet għalija barka. Illum li għaddew 10 snin, nidher li jiena clear imma xorta tibqa’ b’dik id-daqsxejn biża’ li jista’ jerġa’ jitfaċċa”. 

“Konna għednielu li aħna minn Malta u li f’dik is-sena konna se niċċelebraw il-25 anniversarju taż-żwieġ. Ħadna magħna xi ritratti tat-tieġ u anke ritratt ieħor mal-Arċisqof Charles Scicluna.”

John u Lucienne jiftakru wkoll li wara li ntemmet il-quddiesa – il-Papa Franġisku kien niżel għarkupptejh fuq bank u għamel madwar 10 minuti jitlob. 

Mistoqsija kif ħadu l-aħbar tal-mewt ta’ Papa Franġisku, huma qalu li għalihom dan kien “xokk kbir”, b’Lucienne tgħid li anke qabżilha d-dmugħ minn għajnejha. Huma ddeskrivewh bħala bniedem umli, li dejjem fittex il-paċi u kien jaħdem ħafna biex jgħin lil dawk l-aktar foqra u emarġinati. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport