Hu fatt li l-Unjoni Ewropea twaqqfet biex fl-Ewropa ma jerġax ikun hemm gwerer. L-għan kien li l-istati jaħdmu u jikkoperaw bejniethom b’mod partikolari Franza u l-Ġermanja, biex finalment fl-Ewropa ma jerġax ikun hemm gwerra oħra. Matul is-snin diversi politiċi ħadmu għal dan il-għan. Anki f’mumenti ta’ kriżi kien hemm politiċi li taw xaqq ta’ dawl u għenu biex jissolvew il-kunflitt.
Proprju f’dawn l-aħħar tlett snin mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, rajna lill-Unjoni Ewropea tieħu direzzjoni totalment differenti. Għall-ewwel darba rajniha tgħin finanzjarjament u bl-armamenti lill-Ukrajna kontra ir-Russja. Indħil dirett li m’hemmx dubju li jġib implikazzjonijiet. Indħil li baqa’ jiġi imbuttat minn għadd ta’ politiċi Ewropej, fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen. Sfortunatament l-Unjoni Ewropea ma waqfitx u issa wara dak li ġara fil-laqgħa bejn il-President Trump u l-President Ukren Zelensky, l-Unjoni Ewropea ħabbret li se tkun qed tonfoq €800 biljun biex tarma lilha nfisha. Fi kliem ieħor se tarma għal gwerra.
Dan ifisser li s-somma ta’ €800 biljun se jkunu qegħdin jintefqu fuq il-ħolqien ta’ armi ġodda, xiri ta’ munizzjoni, tankijiet, ajruplani u dak kollu li wieħed jimmaġina f’kunflitt. Proprju dan qed isir meta l-Istati Uniti ħadet deċiżjoni li twaqqaf l-għajnuna militari lill-Ukrajna biex il-flus tonfoqhom f’oqsma oħra.
M’hemmx għalfejn wieħed jaħseb wara din id-deċiżjoni ta’ infieq hemm il-kumpaniji tal-armamenti. Din in-nefqa huma se jgawdu minnha direttament. L-istess bħal ma kien qed jiġri fil-kunflitt jitwal, għax iż-żewġ naħat kienu staġnati u ħadd ma jista’ javvanza.
U waqt li rajna lil von der Leyen titqanżah u tipprova tispjega u tiġġustifika dan, saħansitra qalet li dan qegħdin jaqblu miegħu ċ-ċittadini Ewropej. Il-mistoqsija toħroġ waħedha. Dawn it-€800 biljun kif se jsolvu il-kunflitt qalil li hemm bħalissa bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Kunflitt li ejja ngħiduha kif inhi, inbeda wara manuvri minn naħa tal-punent, bir-Russja imbagħad tagħmel l-iżball ta’ invażjoni massiċċa u l-kunflitt sploda.
Xi prospetti hemm li b’nefqa ta’ €800 biljun se jissolva l-kunlfitt u se jieqaf? Bħalissa l-akbar bżonn li għandha l-Ewropa u d-dinja hu li dan il-kunflitt jieqaf u ma jibqgħax jitwal.
U waqt li qegħdin insemmudin is-somma wieħed irid iżomm f’moħħu li għadd ta’ setturi oħra se jkunu qegħdin jiġu affettwati finanzjarjament. Minn dan se jbatu ċ-ċittadini komuni.
Imma politiċi u burokratiċi fl-Unjoni Ewropea jidhru stinati li akkost ta’ kollox jarmaw. Jonfqu l-flus. Jibqgħu jagħtu l-armamenti lil Ukreni biex il-kunflitt jibqa’ jitwal. Dan ifisser aktar imwiet u aktar tkissir ta’ infrastruttura. U issa qegħdin naraw ukoll pajjiż bħal dak tal-Polonja li diġa qed iħejji pjan biex l-irġiel kollha jitħarrġu għall-gwerra.
M’hemmx dubju li din hi direzzjoni ħażina għall-Unjoni Ewropea. Unjoni Ewropea maħkuma u mbuttata biex tonfoq il-flus fl-armamenti biex iħaxxnu bwiethom il-kumpaniji tal-armi. Hemm min qed jgħid li dan għandu jgħin lill-ekonomija fosthom dik tal-Ġermanja. Dikjarazzjoni li kważi kważi lanqas temminhom jekk ma tismax fuq il-filmati qegħdin jgħiduhom.
Nemmnu li l-Unjoni Ewropea mhux din id-direzzjoni għandha taqbad. Imma dik li tara li dan il-kunflitt u kunflitti oħra li jeżistu jintemmu. Jieqfu fi żmien basir. L-Unjoni Ewropea għandha tara li ġġib fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet il-paċi u mhux tiddiskuti kemm biljuni se tonfoq f’armamenti. Fuq kollox xi jfisser dan l-investiment fl-armi….telf ta’ ħajjiet. Telf ta’ suldati. Telf ta’ ħajjiet innoċenti. Tkissier ta’ infrastruttura.
Din hi l-Unjoni Ewropea li llum. Minn unjoni għall-paċi, għandna unjoni li qed tara l-gwerer u qed tarma għalihom. Ovvjament dan hu dak li qegħdin jaħsbu politiċi u burokratiċi. Il-popli mhux se jkollhom toroq oħra għajr li jsemmgħu leħinnhom fit-toroq. Dwar dan, għadd ta’ organizazzjonijiet mistennija jorganizzaw manifestazzjonijiet madwar l-Ewropa. Wieħed jittama li l-Unjoni Ewropea tibdel din id-direzzjoni.