Paris Saint-Germain issuperaw lil Barcelona bl-iskor ta’ 4-2 f’partita spettakolari fil-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League.
B’dan ir-riżultat, it-team Franċiż temm is-sensiela pożittiva ta’ Barcelona, li sofrew l-ewwel telfa tagħhom tal-istaġun.
Desire Doue fetaħ l-iskor għall-Pariġini, fit-38 minuta, iżda ż-żagħżugħ Xavi Espart kiseb id-draw għal Barcelona fil-55 minuta. Lucas Hernandez reġa’ poġġa lil Paris SG fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras fit-72 minuta, iżda Lamine Yamal wieġeb b’goal mill-isbaħ seba’ minuti wara.
Madankollu, it-team ospitu ma dam biex reġa’ mar fil-vantaġġ meta Vitinha skorja fit-81 minuta, qabel ma Fabian Ruiz issiġilla r-rebħa erba’ minuti mit-tmiem.
B’din ir-rebħa, PSG issa għandhom disa’ punti u baqgħu fil-quċċata tal-klassifika tal-fażi tal-kampjonat, flimkien ma’ Liverpool.






