Fil-partita mit-tieni leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, illum Gzira United jilqgħu lil Viktoria Plzen tar-Repubblika Ċeka fl-Istadium Nazzjonali fejn iridu jirkupraw żvantaġġ ta’ erba’ goals.
Kienet evidenti li l-Gżirjani kienu se jilagħbu kontra wieħed mill-aktar timijiet qawwija ta’ dan ir-round … hekk kif fl-istaġun li għadda dawn ħadu sehem fil-UEFA Champions League u fil-Fażi tal-Gruppi lagħbu kontra Bayern Munich, Barcellona u Inter.
Fl-ewwel leg, il-Maroons ippruvaw jikkontrollaw lill-avversarji hekk kif niżlu bi pjan difensiv u joperaw bil-kontrattakki. Iżda l-ħeffa, it-teknika u l-esperjenza kienet wisq għall-Maltin għax minbarra li ċ-Ċeki skorjaw erba’ darbiet huma ġew imċaħħda erba’ darbiet oħra mil-lasta.
Gżira jafu li ċ-ċansijiet tagħhom li javvanzaw f’din il-kompetizzjoni huma remoti u għaldaqstant jimmiraw li jagħmlu l-aggregate aktar rispettabbli … għalkemm fil-football kollox jista’ jseħħ.
Min-naħa tal-coach, Darren Abdilla, jista’ juża din il-logħba bħala parti mit-tħejjija għall-kampjonat domestiku li se jibda f’nofs Settembru.
Li waslu sa dan l-istadju hija kisba kbira għall-Gżirjani li magħha ġabet ukoll pakkett finanzjarju tajjeb li jista’ jkompli jgħin biex jakkwistaw players ġodda minkejja li huma armati tajjeb f’kull dipartiment.
Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jiffaċċja lir-rebbieħ bejn FC Tobol Kostanay (Kazakhstan) u Derry City (Irlanda).