Monday, May 13, 2024

UEFA Conf. Lge: Hamrun Spartans b’missjoni impossibbli kontra Ferencvaros

Aqra wkoll

Iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans, quddiemhom għandhom muntanja x’jostakolaw hekk kif illum f’Budapest jilagħbu kontra l-Ungeriżi ta’ Ferencvaros liema partita hija valida mit-tieni leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, wara li rreġistraw goleada nhar il-Ħamis li għadda, fl-Istadium Nazzjonali.

Forsi r-riżultat ta’ 6-1 kien kiefer wisq mal-Ħamruniżi iżda meta sofrew it-tieni goal bħal donnhom tilfu l-konċentrazzjoni biex l-avversarji kkastigawhom ma’ kull ċans li ġiehom. 

Mohammad Abu Fani, Kristoffer Zachariassen u Owusu Kwabena komplew mal-hat-trick ta’ Barnabas Varga għas-sitt goals Ungeriżi, b’Luke Montebello li skorja l-uniku goal għall-Maltin.

Realistikament, il-Ħamruniżi jafu li hu biss miraklu li bih jistgħu jdawru r-riżultat anke għax Ferencvaros se jilagħbu f’darhom.

Barra minn hekk, dawn tal-aħħar kellhom bidu ferm tajjeb fil-kampjonat hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 5-3 fuq Fehervar.

Għall-partita tal-lum, il-coach Csaba Mate jista’ jserraħ xi players konxju mill-fatt tal-vantaġġ li qed igawdu hekk kif l-Ispartans iridu jirbħu b’differenza ta’ sitt goals biex jaqtgħu l-passaġġ għar-round li jmiss.

Għal Ħamrun se jirritorna Uros Djuranovic li kien sospiż fl-ewwel leg.

Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jaffronta lir-rebbieħ bejn FK Zalgiris Vilnius (Litwanja) u BK Hacken (Svezja).

Sport