Illum Gzira United jaffrontaw il-qawwa ta’ Viktoria Plzen tar-Repubblika Ċeka.
Biex waslu sa dan l-istadju, il-Maroons eliminaw lil Glentoran FC tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-għoti tal-penalties (14-13) wara aggregate ta’ 3-3 u lil F91 Dudelange tal-Lussemburgu bl-aggregate ta’ 3-2.
Fil-kummenti tiegħu, il-coach Gżirjan, Darren Abdilla, irrikonoxxa li dawn iż-żewġ partiti xejn ma kienu faċli meta wieħed iqis li t-team inbidel kważi nofsu mill-istaġun preċedenti.
Minkejja kollox, id-determinazzjoni u l-perseveranza kienu l-ingredjenti ewlenin għal din il-kwalifikazzjoni tant meritata.
Min-naħa ta’ Viktoria Plzen, li huma wieħed mill-aktar timijiet rinomati fir-Repubblika Ċeka, ma kellhomx bidu tajjeb fil- kampjonat domestiku meta minn żewġ partiti rebħu waħda u tilfu l-oħra.
It-team huwa mmexxi minn Miroslav Koubek li għandu 71 sena u b’esperjenza kbira ta’ coaching meta mexxa lil Slavia Prague, Banik Ostrava, Bohemians u Mlada Boleslav.
Hu ngħaqad ma’ Viktoria ftit tal-ġimgħat ilu bit-tama li jisfidaw għar-rebħ tat-titlu.
Sadanittant fl-istaġun li għadda, huma temmew fit-tielet post tal-klassifika, f’kampjonat kompost minn 16-il team.
Huma bdew l-impenji tagħhom fil-UEFA Conference League mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni meta eliminaw lil FK Drita tal-Kosovo b’aggregate ta’ 2-1 (0-0, 2-1).
Bla dubju, it-tattika tal-coach Abdilla se tkun waħda ta’ konteniment u jopera bil-kontrattakk.
Huwa jridu jakkwistaw riżultat pożittiv konxji mill-fatt li t-tieni leg se jintlagħab fl-Istadiun Nazzjonali.
Barra minn hekk, il-Maltin iridu jagħrfu kif irażżnu liż-żewġ players, Tomas Chory, li kien l-aqwa skorer tat-team fl-istaġun li għadda bi 13-il goal … u l-Kolombjan Jhon Mosquera li huwa player fiżiku u tattiku immens.
Il-logħba se tintlagħab fid-Doosan Arena, li tesa’ 11,700 spettatur, u tibda fis-7.00 pm.