Viktoria Plzen ……4
Gzira United ………0
Gzira United sfaw megħluba mit-team qawwi ta’ Viktoria Plzen bl-iskor ta’ 4-0, liema partita kienet valida mill-ewwel leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, biex issa se tkun ferm diffiċli għat-team Malti biex idawwar ir-riżultat favur tiegħu meta l-ġimgħa d-dieħla jintlagħab it-tieni leg fl-Istadium Nazzjonali.
Fil-veritá dehret evidenti d-differenza bejn iż-żewġ timijiet hekk kif Viktoria ddominaw għal ħafna ħinijiet fejn laqtu wkoll erba’ darbiet il-lasti biex ir-rebħa setgħet kienet ferm akbar.
L-ewwel azzjoni denja waslet fis-sitt minuta, meta f’kontrattakk korali tal-Maroons, Jackson Mendonza kompla lejn José Wilkson li ġie antiċipat fil-ħin minn Thomas Chory f’tarf il-kaxxa qabel seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara.
Iżda, fl-għaxar minuta, iċ-Ċeki fetħu l-iskor meta Pavel Bucha minn tarf il-kaxxa xeħet cross-shot li qarraq għal kollox bil-goalkeeper, David Cassar, minħabba li kien hemm żewġ players quddiemu, bil-ballun jintemm fix-xibka.
Imma fl-20 minuta, l-istess Bucha sab lil Cassar attent meta fajjar kanunata minn barra l-kaxxa, bil-goalkeeper jippanċja f’corner.
Peró, tliet minuti wara Viktoria rduppjaw meta Rafiu Durosinmi bidel il-ballun ma’ Pavel Sulc qabel xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka. Minuta wara, kien imiss lil Lukas Kalvach biex jittanta xortih minn tarf il-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat ferm għoli.
Fit-33 minuta, il-Maroons kienu għoddhom sofrew it-tielet goal meta mill-free-kick ta’ Lukas Kalvach, Tomas Chory żmarka lilu nnifsu minn tarf il-kaxxa ż-żgħira ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi tħakkek ma’ sieq il-lasta.
Tliet minuti wara, Kalvach kellu t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-lasta … żewġ minuti wara Lukas Hejda ġie mċaħħad mill-wieqfa wara azzjoni ta’ corner … u ftit sekondi wara kien imiss lil Tomas Chory li d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda … bil-Maroons jeħilsuha ħafif!!
Imbagħad, żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima l-istess Chory falla ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasti għolla l-ballun b’xutt qawwi.
Il-ftuħ tat-tieni taqsima beda b’xutt ta’ Chory li spiċċa ftit barra. Fit-52 minuta, il-goalkeeper Cassar kien providenzjali meta evita goal ċert minn daqqa ta’ ras ta’ Durosinmi.
Fis-57 minuta, f’attakk iżolat ta’ Gzira, Thiaguinho ġie nnewtralizzat fil-ħin minn Hejda biex iċ-ċans intilef.
Fit-73 wasal it-tielet goal meta Pavel Sulc kkonkluda mill-cross ta’ Mosquera. Fil-81 minuta, kien imiss lil Jan Kliment li jolqot sieq il-lasta meta pprova jipplejsja l-ballun.
Imbagħad, fil-95 minuta, Jan Kopic issiġilla r-rebħa b’xutt minn pożizzjoni djagonali.
Victoria Plzen: 36-Jindrich Stanek, 2-Lukas Hejda, 3-Robin Hranac, 15-Tomas Chory , 17-Rafiu Durosinmi (9-Jan Kliment 56), 20-Pavel Bucha (88-Adam Vlkanova 76), 22-Cadu (10-Jan Kopic 76), 23-Lukas Kalvach, 31-Pavel Sulc (12-Ibrahim Traore 75), 33-Erik Jirka (18-John Mosquera 17), 40-Sampson Dweh – Coach: Miroslav Koubek
Gzira Utd: 1-David Cassar, 2-Carlos Chaba, 3-Gabriel Mentz, 8-Zachary Scerri (23-Ewertton 87), 9-Marcelo Dias, 20-Farid Romero, 21-Georges Essaka (4-Andrew Borg 46), 47-Brooklyn Borg (29-Dejan Pace 93), 74-Jose Wilkson (6-Bilario Azizi 79), 93-Thiaguinho, 98-Jackson Mendonza (14-Luis Riascos 79) – Coach: Darren Abdilla
Referee: Vilhjalmur Thorarinsson (Islanda)
Assistenti: Gylfi Mar Sigurdsson, Birkir Sigurdarson (Islanda)
Raba’ Uff: Helgi Mikael Jonasson (Islanda)
Skorers: P. Bucha 10, R. Durosinmi 23, P. Sulc 73, J. Kopic 95 (VP)
Ammoniti: J. Mendonza, C. Chaba, Ewertton (GU)