Minn Cristian Muscat
Hibernians ………..3
Levadia Tallinn …..2
Żewġ goals maqlugħin lejn it-tmiem jistgħu jkunu detrimentali għal Hibernians hekk kif għelbu lil Levadia Tallinn tal-Estonja bl-iskor ta’ 3-2 valida mill-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League … hekk kif ġimgħa oħra jilagħbu barra minn xtutna f’dik li se tkun meqjusa bħala waħda mill-aktar delikata.
Din ir-rebħa kienet is-70 waħda mit-timijiet Maltin f’parteċipazzjoni ta’ 61 sena fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Intant, wara biss ħames minuti, Hibernians heddew lejn il-lasti avversarji iżda minn pożizzjoni angolata, Gabriel Izquier Artiles ta l-illużjoni tal-goal peró x-xutt tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Madankollu, fis-17-il minuta huma fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun spiċċa għand Artiles li xeħet cross għan-nofs li sab lid-difeneur FERDINANDO APAP li għola fuq kulħadd u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun fix-xibka.
U seba’ minuti wara, il-Pawlisti rduppjaw metaDunstan Vella kellu xutt kważi minn tarf il-kaxxa li stampa ma’ sieq il-wieqfa, bil-ballun jintemm għand Terence Groothusen li bir-ras għadda lejn JURGEN DEGABRIELE u permezz ta’ daqqa ta’ ras oħra minn taħt il-lasti ma żbaljax.
Man-nofs siegħa logħob, Ali Diakite, kellu cross-shot li kważi qarraq għal kollox bil-goalkeeper, Karl Andre Vallner, li iżda kien pront u dawwar f’corner.
Fis-37 minuta, Artiles kellu xutt angolat minn qagħda ideali li għadda jħakkek mal-wieqfa. Żewġ minuti biss wara, Apap, dar tajjeb ma’ difensur avvesrarju qabel kellu x-xutt mill-viċin tiegħu jiġi mdawwar f’corner minn Vallner.
Fil-55 minuta, Apap venven xutt minn tarf il-kaxxa li ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper avversarju.
Fil-61 minuta, minn azzjoni ta’ corner, id-daqqa ta’ ras ta’ AIi Diakite dehret destinata għar-rokna tax-xibka iżda ġiet salvata b’mod stupend minn Vallner.
Levadia ħolqu l-unika azzjoni perikoluża fil-partita ħames minuti wara meta Ernest Agyiri kellu xutt mid-distanza li ġie salvat bi bravura mill-goalkeeper tal-Pawlisti, Ibrahim Kone.
Fis-87 minuta Levadia naqqsu l-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Ernest Agyri, MAXIMILIANO UGGE kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta’ tefa’ ġeawa
Iżda fid-90 minuta Hibernians reġgħu fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals meta s-sostitut debuttant YUNUSA MURITALA kellu xutt minn pożizzjoni angulata mxellef għal ġewwa minn difensur avversarju.
Madankollu l-Pawlsiti ftit li xejn damu jifirħu hekk kif minuta biss wara, Levadia reġgħu sabu x-xibka meta ERNEST AGYIRI minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 6-Gonzalo Liema Bravo, 8-Jake Grech (7-Ayrton Attard 77), 9-Tereence Groothusen (23-Yunusa Muritala 77), 10-Jurgen Degabriele (17-Gabriel Mensah 91), 12-Dunstan Vella, 13-Zachary Grech , 22-Gabriel Izquier Artiles, 42-Ali Diakite, 88-Rodolfo Soares – Coach: Andrea Pisanu
LEVADIA T.: 99-Karl Andre Vallner, 3-Milan Mitrovic, 4-Maximiliano Ugge, 6-Rasmus Peetson (67-Ilya Antonov 77), 9-Mark Oliver Roosnupp, 10-Brent Lepistu, 11-Liliu (17-Robert Kirss 53), 14-Ernest Agyiri, 22-Artur Pikk, 49-Zakaria Beglarishvili (23-Murad Velijev 77), 70-Marko Putincanin – Coach: Ivan Stojkovic
REFEREE: Volen Chinkov (Bulgarija)
ASS. REFEREES: Deniz Sokolov, Martin Venev (Bulgarija)
RABA’ UFF: Vasimir El-Hatib (Bulgarija)
SKORERS: F. Apap 17, J. Degabriele 24, Y. Muritala 90 (H), M. Ugge 87, E. Agyiri 91 (LT)
AMMONITI: Z. Grech, G. Liema Bravo, J. Zerafa (H), B. Lepistu (LT)