L-Ingilterra bdiet il-kampanja tagħha fil-UEFA Nations League b’telfa ta’ 3-2 kontra ċ-champions tad-dinja Spanja f’partita mimlija emozzjonijiet f’Wembley.
L-Ispanjoli ħadu vantaġġ wara biss żewġ minuti meta Lamine Yamal approfitta minn żball difensiv ta’ Marc Guehi u għeleb lil James Trafford. Spanja komplew joħolqu l-periklu u setgħu żiedu l-iskor, iżda l-Ingliżi rnexxielhom jibqgħu fil-logħba wara li ħelsuha ħafif hekk kif Ferran Torres skorja għal Spanja iżda kien ġudikat f’pożizzjoni ta’ offside.
It-team ta’ Thomas Tuchel irreaġixxa tajjeb lejn tmiem l-ewwel taqsima. Anthony Gordon ksieb id-draw fis-36 minuta b’konklużjoni kalma, filwaqt li Harry Kane poġġa lill-Ingilterra minn fuq erba’ minuti wara meta daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat fix-xibka wara devjazzjoni ta’ Marc Cucurella.
Madankollu, fil-bidu tat-tieni taqsima wasal mument kruċjali meta Kane falla penalty mogħti wara foul fuq Jude Bellingham. L-attakkant Ingliż żelaq waqt ix-xutt u l-ballun ħabat mal-mimduda, u b’hekk Spanja baqgħet fil-konfront.
L-Ispanjoli approfittaw minn aktar żbalji individwali tal-Ingilterra. Alex Baena ġab id-draw wara li Nico O’Reilly tilef il-pussess tal-ballun, filwaqt li Mikel Oyarzabal skorja l-goal tar-rebħa fis-74 minuta b’konklużjoni eleganti minn fuq il-goalkeeper, James Trafford.
Minkejja pressjoni mill-Ingilterra, Spanja żammew il-vantaġġ sa tmiem il-partita biex estendiet is-serje impressjonanti tagħha mingħajr telfa għal 39 logħba. Għall-Ingilterra, it-telfa kienet lezzjoni ċara li kontra avversarju ta’ dan il-livell, żbalji żgħar jistgħu jiswew ħafna u jispiċċaw jiswew il-punti.





