Wednesday, October 9, 2024

UEFA Super Cup: Iċ-champions Ewropew Real Madrid jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun

Aqra wkoll

Real Madrid……… 2

Atalanta………….. 0

F’finali li ntlagħbet f’Na­rodowy Stadium, f’Varsavja, il-Polonja,  iċ-cham­pions Ewropej, Real Madrid, reb­ħu l-UEFA Super Cup, meta għelbu lil Atalanta bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima. 

Din il-finali tintlagħab bejn ir-rebbieħa tal-UEFA Champions League u r-rebbieħa tal-UEFA Euro­pa Lea­gue, f’dan il-każ Real Madrid u Atalanta rispettivament. 

Mas-suffara inizjali Real Madrid ħarġu fuq l-offensiva biex isibu goal kmieni iżda kienu Atalanta li ħolqu l-ewwel periklu serju, meta fis-sitt minuta Charles de Ketelaere għad­da through-pass lil Davide Zappacosta li qata’ għal kollox lid-difiża Madrilena, daħal fil-kaxxa iżda qabel ma pprova jixħet il-cross, Ademola Lookman ikkommetta foul fuq Eder Militao biex iċ-ċans intilef. 

Ir-reazzjoni ta’ Real was­let fil-15-il minuta meta Dani Carvajal għadda lejn Federico Valverde li xeħet cross fejn kien hemm Kylian Mbappe, li kien qed jiddebutta għall-Ispanjoli, u bl-għajta tal-goal ġie mblukkat minn  Isaac Hien. 

Żewġ minuti wara, Car­vajal ikkrossja għan-nofs iżda kemm Rodrygo kif ukoll Vinicius Jr naqsu li jagħmlu kuntatt mal-ballun biex fallew li jiftħu l- is­kor. 

Fl-24 minuta, Marten de Roon, ipprova jixħet cross bil-ballun jaħbat ma’ Militao … u  bil-goalkeeper Thibaut Courtois megħlub għal kollox … l-istess ballun spiċċa mal-ponta tal- lasta u ntemm barra. 

Fl-34 minuta, Lookman ħarab waħdu iżda ġie nnewtralizzat barra l-kaxxa mid-difensur Madrilen Antonio Rudiger. 

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, fl-uniku xutt li Real indirizzaw lejn il-lasti avversarji, resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Rodrygo heżheż il-mimduda wa­ra li rċieva mingħand Vincius Jr.  

It-tieni taqsima fetħet b’save spettakolari tal-goalkeeper Courtois li evita goal ċert mid-daqqa ta’ ras ta’ Mario Pasalic. 

Fil-55 minuta, Federico Valverde fetaħ fuq Jude Bellingham f’tarf il-kaxxa iżda dan tal-aħħar falla l-mira kompletament. 

Erba’ minuti wara, il-Madrileni fetħu l-iskor me­ta Bellingham kompla l-ballun lejn Vinicius Jr li qabeż lil Berat Djimsiti u litterlament żmarka għal kollox lil FEDERICO VALVERDE li minn żewġ passi bogħod iddepożita l-ballun fix-xibka. Żewġ minuti wara, il- goalkeeper, Juan Musso, kien providenzjali għal Ata­­lanta meta salva fuq Vinicius Jr li tela’ waħdu biex evita goal ċert.  

Iżda fit-68 minuta, huwa ma seta’ jagħmel xejn meta KYLIAN MBAPPE rdoppja billi fajjar xutt għar-rokna tas-saqaf tax-xibka wara li rċieva mingħand Bellin­g­ham minn azzjoni mibdija minn Rodrygo. 

Bla dubju, dan l-attakkant Franċiż se jkun pedina importanti għat-team immexxi mill-coach, Carlo Ancelotti, minħabba li għan­du intuwizzjoni naturali lejn ix-xibka avversarja.  

Min-naħa l-oħra, Atalanta kien jimmeritahom goal minħabba li rari dehru inferjuri u taw daqs kemm qalgħu matul il-logħba. 

Sport