Meta bdiet tintlagħab l-ewwel ġurnata tal-Fażi tal-Kampjonat tal- UEFA Europa League, Manchester United ma tantx kellhom bidu pożittiv hekk kif f’Old Trafford ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 mit-team Olandiż, Twente Enschede.
Kien Christian Eriksen (35) li fetaħ l-iskor għar-Red Devils iżda Sam Lammers (68) kiseb id-draw għal Twente.
Bodo Glimt v Porto – Porto marru n-Norveġja għand Bodo Glimt u kontra kull mistenni sfaw megħluba bl- iskor ta’ 3-2.
Il-Portugiżi skorjaw l- ewwel u l-aħħar minn Samu Omorodion (8) u Deniz Gul (92) filwaqt li Kasper Hogh (15) u Jens Hauge (40, 62) skorjaw għal Bodo Glimt li kellhom lil Isak Dybvik (51) għal żewġ karti sofor.
Dinamo K. v Lazio – Fil-partita li ntlagħbet fil-ground newtrali ta’ Volksparkstadion ta’ Hamburg, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, Lazio għelbu lil Dinamo Kiev bl-iskor ta’ 3-0.
Il-partita kienet mirbuħa u mitlufa fl-ewwel taqsima hekk kif it-Taljani skorjaw tliet darbiet minn doppjetta ta’ Boulaye Dia (5, 35) u Fisayo Dele-Bashiru (34).
Fit-72 minuta, l-Ukreni spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Maksym Bragaru għal karta ħamra diretta.
Galatasaray v PAOK – Galatasaray għelbu lill- PAOK bl-iskor ta’ 3-1 … permezz ta’ auto-goal ta’ Abdul Rahman Baba (48), Yunus Akgun (76) u Mauro Icardi (92) filwaqt li Giannis Konstantelias (67) wieġeb għat-telliefa.
Nice v Real Sociedad – Nice u Real Sociedad temmew fi draw ta’ 1-1.
Real Sociedad fetħu l-iskor permezz ta’ Ander Barrenetxea (18) iżda Pablo Rosario (45) skorja għal Nice li fallew penalty permezz ta’ Evann Guessand (54).
Anderlecht v Ferencvaros – Anderlecht laqgħu lill-Ungeriżi ta’ Ferencvaros u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals kollha jaslu fit-tieni taqsima minn Yari Verschaeren (60) u Kasper Dolberg (66 pen). Adam Traore (86) naqqas il-marġni tal-iskor għal Ferencvaros.
Il-Belġjani kellhom lil Nilson Angulo (81) imkeċċi għal żewġ karti sofor.