Minn Cristian Muscat
Wara l-eliminazzjoni mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, Hamrun Spartans issa jdawru l-attenzjoni tagħhom lejn il-UEFA Europa League.
Fl-ewwel leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni, ser jiltaqgħu kontra Maccabi Tel Aviv, wieħed mill-aktar timijiet Iżraeliti b’esperjenza fix-xena Ewropea.
Il-konfront se jintlagħab f’Tony Bezzina Stadium. Oriġinarjament din il-partita kellha tintlagħab il-Ħamis iżda għal xi raġuni, kollox ressaq 48 siegħa qabel.
Għal Ħamrun, din hija opportunità oħra biex ipoġġu isem Malta fuq il-mappa tal-football Ewropew, iżda se jkollhom sfida diffiċli kontra team ta’ livell għoli u storja kbira.
Fil-fatt, l-għan ewlieni tal-president Ħamruniż, Joseph Portelli, huwa dak li jasal sal-fażi tal-gruppi ta’ kompetizzjoni Ewropea.
Hamrun Spartans bdew l-avventura tagħhom fil-UEFA Champions League kontra FK Zalgiris tal-Litwanja. Wara telfa ta’ 2-0 barra minn darhom f’Vilnius, l-Ispartans rebħu 2-0 f’Ta’ Qali grazzi għal prestazzjoni dixxiplinata u organizzata.
Huma spiċċaw rebħu bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 11-10 wara li ngħataw 28 xutt mill-11-il metru.
Madankollu, fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni huma affrontaw lit-team Ukren ta’ Dinamo Kiev. Dawn tal-aħħar ikkwalifikaw b’aggregate ta’ 6-0 wara fiż-żewġ partita rebħu bl-iskor identiku ta’ 3-0. It-tieni leg intlagħab fil-belt ta’ Lubin, fil-Polonja, minħabba li l-Ukrajna tinsab fi gwerra mar-Russja.
Maccabi Tel Aviv huma fost l-aktar timijiet dominanti fl-Iżrael u għandhom storja estensiva fil-kompetizzjonijiet Ewropej, inkluż parteċipazzjonijiet fil-gruppi tal-Europa League kif ukoll taċ-Champions League. Din is-sena bdew il-kampanja tagħhom fiċ-Champions League bl-aktar mod diżappuntanti hekk kif sfaw eliminati minn Pafos ta’ Ċipru. Wara draw ta’ 1-1 fl-ewwel leg, l-Iżraeljani tilfu 1-0.
Maccabi Tel Aviv Football Club, magħrufin bħala “The Yellows” jew sempliċement Maccabi, huwa wieħed mill-eqdem u l-aktar clubs bi storja glorjuża fl-Iżrael.
Imwaqqaf fl-1906, il-club għandu storja ta’ aktar minn 119-il sena u jilgħab fi Bloomfield Stadium, f’Tel Aviv, li jesa’ madwar 29,400 spettatur.
Din se tkun it-tielet darba li Maccabi Tel Aviv se jilagħbu kontra timijiet Maltin. Fit-tnejn preċedenti, f’Awwissu u Settembru 1992, huma għelbu lil Valletta b’aggregate ta’ 3-1 (2-1, 1-0) fit-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazzi u f’Lulju 2015 huma eliminaw lil Hibernians b’aggregate ta’ 6-3 (1-2, 5-1), fil-UEFA Champions League.
Bla dubju, dan huwa konfront diffiċli għall-Ispartans, peró bil-pontenzjal li jippossjiedu ma tkun l-ebda sorpriża li javvanzaw għar-round tal-play-offs, li jwassalhom għall-Fażi tal-Gruppi.
Madankollu jekk jiġu eliminati, il-Ħamruniżi jilagħbu fir-round tal-play-offs tal-UEFA Conference League.
Il-partita tibda fis-7.00 pm u se tkun imxandra b’mod dirett fuq TVMSports+.