L-UE trid tieħu b’serjetà t-theddid tal-President Russu Vladimir Putin li juża l-armi nukleari. Wissa dwar dan Joseph Borrell li huwa rappreżentant għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.
Borrell qal li l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna waslet f’”mument perikoluż” għax l-armata Russa tinsab daharha mal-ħajt. Dan minħabba l-fatt li l-Ukrajna rnexxielha taħsad lir-Russi bl-offensiva u tirkupra aktar minn 8,000 kwadru ta’ art.
Putin sejjaħ madwar 300,000 Russu li segwew taħriġ militari biex jingħaqdu mas-suldati li qed jiġġieldu fl-Ukrajna. Din id-deċiżjoni ġabet protesti kbar u skont rapporti, uħud spiċċaw jaħarbu biex jevitaw li jmorru għall-gwerra.