Eks Supretendent li kien imexxi t-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija, kien tħallas is-somma ta’ €17,077.36ċ minn Transport Malta u Infrastracture Malta f’extra duty għal xogħol ta’ għassa li kellu jagħmel relatat mal-bini tal-proġett tal-Marsa Junction, meta fil-fatt instab li huwa kien ikun id-dar tiegħu jew f’post ieħor. Dawn il-flus ġew irritornati lura qabel inħarġu l-akkużi kontrih.
Kien l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li xehed dan meta quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli bdew jinstemgħu l-kawżi dwar l-allegati abbużi mill-Pulizja ms-Sezzjoni tat-Traffiku. B’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet, fi Frar li għadda, ġew arrestati ‘l fuq minn 40 uffiċjali tal-pulizija.
Is-Sur Abdilla spjega kif fost l-allegazzjonijiet kien hemm serq ta’ petrol mill-muturi u tixħim ieħor li kienu qed jieħdu l-Pulizija tat-Traffiku iżda l-imputat ma kienx qed jiġi investigat b’rabta ma’ dawn l-akkużi.
Huwa qal li bejn Settembru 2018 u Novembru 2019, l-imputat kien tħallas bejn Transport Malta u Infrastracture Malta is-somma ta’ €17,077.36ċ f’extra għal xogħol relatat mal-bini tal-proġett tal-Marsa Junction. Qal li mill-call profile nstab li dan kien ikun id-dar tiegħu jew f’post ieħor li mhux relatat mal-imsemmi proġett.
“Ngħid li dawn l-extra duties ma kienx qed jicclaimjahom għalih innifsu. L-extra duties kien qed jieħu ħsiebhom Surġent. Dan il-persuna ġie wkoll investigat u wkoll tressaq il-qorti,” qal Abdilla.
L-imputat kien spjega lill-Pulizija li l-extra duty kienu jikkonsistu fi tmien sigħat fil-ġimgħa li skont hu kien jaqsamhom ftit sigħat fil-ġimgħa. It-tour of duty tiegħu kienu mit-8.30 a.m. sal-5.00 p.m. u kien jaħdem bis-sistema tal-“4 days in 2 days out.”
Xehed ukoll l-Ispettur Bernard Bunns li semma kif fil-kors tal-investigazzjonijiet nstabu group chats fuq Whatsapp bejn diversi uffiċjali tal-Pulizija fejn kienu jiftehmu bejniethom dwar shifts differenti biex jaħdmu siegħa siegħa jew sagħtejn sagħtejn u li dan kienu jagħmluh waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom u mhux waqt il-ħin li suppost jitħallsu tal-extra.
Huwa semma wkoll li kien hemm Surġent tal-Pulizija mara li kienet qiegħda tirċievi ħlasijiet ta’ extra għal xogħol fil-Marsa meta lanqas biss kienet issuq mutur.