Tuesday, December 24, 2024

UFFIĊJALI LI XI DRABI NISSOTTOVALUTAW MINKEJJA LI TA’ KULJUM ISALVAW IL-ĦAJJIET

Aqra wkoll

Il-ħajja hija l-ikbar rigal li jeħtieġ nagħrfu kif nħaddmuha biex la jasal iż-żmien li nċedu postna ma jkollna l-ebda rimors. Fil-verità mhux kulħadd ikollu l-istess xorti u jeżistu numru ta’ kombinazzjonijiet ta’ kif nistgħu nkejlu l-kisbiet ta’ persuna. Fi kliem sempliċi, żagħżugħ ta’ madwar 20 sena li minkejja kull sfida fil-ħajja jasal jiggradwa u jibqa’ jgħix u japprezza kuljum, jista’ jitqies ta’ suċċess daqs pensjonant li f’ħajtu ma jkunx sab il-kuraġġ li jisfrutta l-opportunitajiet. 

Bħala wieħed mill-ġurnali li ta’ kuljum inwasslulkom diversi inċidenti b’rappurtaġġ minn fuq il-post ngħidu dan b’esperjenza. Konna diversi drabi fuq inċidenti varji minn estrem għal ieħor. Minn dawk li ma jkollhomx bżonn assistenza medika, għal dawk li jittieħdu għal osservazzjoni minħabba xokk, dawk li jsofru ġrieħi gravi, dawk li jkunu mdendlin fuq ħajta minħabba l-ammont ta’ demm li jkunu qegħdin jitilfu, u dawk li sfortunatament jispiċċaw bla ħajja fuq il-post. 

Minkejja li xi drabi nispiċċaw nisimgħu biss bil-wasla tal-pulizija fuq il-post, hemm timijiet sħaħ li min jaf kemm isalvaw ħajjiet kuljum. Fost dawn hemm it-timijiet mediċi fl-Isptar Mater Dei, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u professjonisti oħrajn mill-pubbliku li f’każ ta’ inċident tarahom jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu biex isalvaw ħajja. 

F’wieħed mill-aħħar każi ta’ inċidenti konna preżenti kien proprju dak tal-ġimgħa li għaddiet fejn raġel ħabat f’bankina bil-mutur u tkaxkar diversi metri. Fost ċertu dettalji li ma jiġux żvelati fil-ħin tal-inċident minħabba raġunijiet ta’ etika kien hemm l-ewwel indikazzjonijiet tal-kundizzjoni tiegħu minħabba ġrieħi viżibbli f’saqajh.

Is-sena li għaddiet konna preżenti wkoll fis-satra tal-lejl meta raġel ieħor tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu f’Burmarrad, ħabat ma’ xi siġar u l-istess tkaxkar diversi metri. Minn informazzjoni li konna ksibna minn fuq il-post, b’xena ta’ għadira demm li tindika minnufih li ma kienx xi każ ħafif, żewġ uffiċjali kellhom jużaw it-tourniquet biex isalvaw lir-raġel. 

Ma nistgħux ma napprezzawx il-koordinazzjoni bejn l-uffiċjali. Fil-każ tar-Rabat, is-sewwieq tal-mutur kellu ġrieħi viżibbli f’saqajh li xejn ma kienu jawguraw tajjeb u l-ħin li fih seħħ l-inċident xejn ma kien jawgura tajjeb għat-tim mediku biex jaħdem. Il-komunikazzjoni hija ċ-ċavetta. L-ambulanza kienet eskortata minn żewġ muturi ta’ Transport Malta, b’dawn tal-aħħar, l-istess mhux l-ewwel darba li ġew sottovalutati għall-ħidma siewja tagħhom.

Minkejja li l-ambulanza tuża s-sirenza, il-muturi bdew jivjaġġaw xi metri qabilha u bi professjonalità liema bħala ż-żewġ uffiċjali bdew mhux biss jifirqu t-traffiku imma anke jippreparaw f’postijiet fejn hemm roundabouts biex l-ambulanza tasal fl-inqas ħin possibbli għax għall-pazjent li jkun hemm fiha, kull sekonda tista’ tiswa’ parti minn ġismu jew saħansitra ħajtu. 

Nemmnu li fejn tidħol edukazzjoni fit-toroq sar ħafna u l-wegħda tal-gvern li se jkun qiegħed jinforza r-regolamenti tat-toroq qiegħda tinżamm. Konferma ta’ dan mhumiex biss l-ispezzjonijiet bil-lejl, li ħallew riżultati mill-aqwa ta’ inċidenti minimi fi żmien il-festi, imma anke l-kontrolli binhar li wkoll qegħdin iwasslu għal sewqan aktar b’attenzjoni.

Hawnhekk għandek il-kritika tal-ispeed guns li qed jiġu deskritti bħala taxxa ġdida, imma jekk imħaddmin b’responsabbiltà nemmnu li jistgħu jkomplu jżidu l-galbu waqt is-sewqan u jkissru l-pjaga tal-użu tal-mobile waqt is-sewqan.

Il-ħajja tista’ tkun ġeneruża u tagħtina t-tieni ċans, imma mhux kulħadd jingħata din l-opportunità. Minkejja li għandna l-forzi tal-ordni li qegħdin jaħdmu qatigħ, l-ewwel pass nistgħu niħduh aħna billi nosservaw ir-regolamenti.

Ekonomija

Sport