Delegati mill-Finlandja u l-Iżvezja għada huma mistennija jagħmlu żjara fit-Turkija bil-għan li jsibu kompromess dwar l-intopp li qam ma’ dan il-pajjiż rigward l-applikazzjoni fin-NATO.
Il-President tat-Turkija, Tayyip Erodogan, kien oġġezzjona għat-talba tal-Iżvezja u l-Finlandja biex jissieħbu fin-NATO. Dwar dan huwa kellu diskussjoni permezz tat-telefown mal-mexxejja ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi Nordiċi. L-oġġezzjoni min-naħa tat-Turkija qamet minħabba li dawn iż-żewġ pajjiżi kienu taw kenn lil persuni li allegatament għandhom rabtiet mal-grupp militanti Partit tal-Ħaddiema Kurdi (PKK) – li t-Turkija tqisu bħala grupp terroristiku – kif ukoll persuni leali lejn Fethullah Gulen li t-Turkija akkużatu li orkestra l-attentat kolp ta’ stat tal-2016.
Edrogan kellu wkoll diskussjoni mal-Kap tan-NATO, Jens Stoltenberg, fejn tal-ewwel qal li t-Turkija mhix se tkun qiegħda tħares b’mod pożittiv lejn l-applikazzjoni tal-Iżvezja u l-Finlandja jekk dawn ma jurux determinazzjoni ċara fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Min-naħa tiegħu, Stoltenberg kien qal li huwa jemmen li din il-kwistjoni tista’ tiġi riżolta.