Sunday, December 22, 2024

Uffiċjali tal-Pulizija rikonoxxuti għall-ħidma distinta tagħhom 

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza Dr Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, ppresedew ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp li ddistingwew ruħhom b’għemilhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena li għaddiet. L-uffiċjali ppremjati kienu nnominati mill-kollegi pulizija stess. 

Numru ta’ uffiċjali, flimkien ma żewġ taqsimiet speċjalizzati ngħataw rikonoxximent, fosthom ċertifikat ta’ Kommendazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija; premju għall-Innovazzjoni u Kreattivita; premju għall-Iżvilupp fit-Tmexxija; kif ukoll ingħata premju lil pulizija għall-impenn tiegħu lejn l-isport u fil-promozzjoni tal-benesseri fiżika tal-uffiċjali tal-Korp. Ingħata wkoll il-Lifetime Achievement Award; kif ukoll il-premju tal-Uffiċjal tas-Sena u tal-Uffiċjal Pajżan tas-Sena. 

L-uffiċjali li ġew fl-ewwel post huma : 

Ċertifikat ta’ Kommendazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija 

Rebbieħa : PC 282 Adrian Mackay u PC 1556 Michael Farrugia (Stazzjonati r-Rapid Intervention Unit – RIU) 

Dawn iż-żewġ pulizija urew kuraġġ, qlubija u kontroll meta wara li eżawrew l-opportunitajiet kollha bil-komunikazzjoni, poġġew ħajjithom f’periklu imminenti biex issalvaw il-ħajja ta’ persuna li kienet għaddejja minn mumenti diffiċċli ta’ saħħa mentali. Dan wetquh billi urew koordinament u teamwork assolut. Bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ kuntistablijiet, il-persuna in kwistjoni salvat. 

Uffiċjal tas-Sena 

Rebbieħa : PC 2378 Kristy Xiberras (Stazzjonata fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali) 

PC2378 kontinwament timbotta l-limiti tagħha, anke bl-attitudni u l-etika tax-xogħol li tħaddan, kif ukoll għandha sens qawwi ta’ altruwiżmu, mhux biss lejn ix-xogħol, iżda anka lejn il-kollegi tagħha. 

Uffiċjal Pajżan tas-Sena 

Rebbieħa : Graziella Formosa (Uffiċjal fit-Taqsima tal-Project Management) 

Graziella Formosa ġiet ippremjata għall-impenn u l-konsistenza li taħdem bihom għalkemm ilha biss ftit snin taħdem mal-Korp tal-Pulizija. Hija ontinwament tmur lil hinn mid-dmirijiet tax-xogħol tagħha biex tassisti lil dipartimenti oħra fi ħdan il-Korp, sabiex tara li l-operat jibqa’ għaddej bl-aħjar mod possibli. 

Premju għall-Iżvilupp fit-Tmexxija 

Rebbieħ : Supretendent Fabian Fleri (Stazzjonat fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali) 

Bis-sens ta’ tmexxija li jokkupa fil-kariga tiegħu, is-Supretendent Fleri dejjem isib mezzi biex joħroġ l-aqwa elementi mill-membri tal-iskwadra tiegħu u jrawwem kooperazzjoni bejn l-individwi. Dan fl-istess waqt li jieħu ħsieb jissalvagwarda il-bennesseri ta’ kull uffiċjal fdat lilu u jmantni operat effettiv u effiċjenti. 

Premju għall-Innovazzjoni u Kreattivita 

Rebbieħ : PS 1304 Christopher Seychell (Stazzjonat fit-Tieni Distrett) 

Waqt li wera livell ta’ tmexxija b’saħħitha max-shift tiegħu, is-Surġent Seychell wera konsistenza fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu u huwa anke kreattiv fil-mod kif jaffaċċja investigazzjoni li tkun tidher xi ftit diffiċli. 

Lifetime Achievement Award 

Rebbieħ : Spettur Joseph Mercieca (Stazzjonat fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali) 

L-Ispettur Mercieca ġie rikonoxxut għall-esperjenza vasta f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet kriminali u għall-ammont ta’ pariri siewja li hu tant imfittex għalihom. Fix-xogħol tiegħu, l-Ispettur Mercieca juri s-sens ta’ impenn, professjonaliżmu u dedikazzjoni totali fuq bażi konsistenti ta’ ‘il fuq minn ħamsa u għoxrin sena ta’ investigazzjonijiet kriminali kumplessi. 

Premju għall-Impenn fl-iSport u fil-Promozzjoni tal-Benesseri Fiżika 

Rebbieħ : PS794 Gilbert Lia (Stazzjonat fil-Kamra tal-Kmand u Kontroll 

Is-Surġent Lia ingħata dan il-premju għall-impenn tiegħu lejn l-isport u s-sehem li jagħti fil-promozzjoni tal-benesseri fiżika tal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Bl-insistenza u dedikazzjoni ma taqta’ xejn, PS Lia jorganizza sena wara oħra, avvenimenti sportivi għall-membri tal-Korp, fejn permezz tagħhom tissaħħaħ l-għaqda bejn l-uffiċjali filwaqt li jitħrares il-benesseri tal-membri involuti. 

Team tas-Sena 

Rebbieħ : Special Intervention Unit (SIU) 

L-Iskwadra tas-Special Intervention Unit ġiet ippremjata għall-professjonalità u d-dedikazzjoni li turi , u waqt li l-uffiċjali ta’ din l-iskwadra itejbu l-immaġni tal-pulizija mal-pubbliku, huma dejjem assistew lil taqsimiet oħra meta jitolbu forma ta’ sigurtà. 

F’diskors tal-okkazzjoni, il-Ministru Dr Byron Camilleri qal li dawn ir-rikonoxximenti huma turija li l-Korp tal-pulizija mhux xi entità maqtugħa għalija, iżda huwa entità li hi parti integrali mis-soċjetà. Qal kif il-Pulizija qiegħda hemm biex tħares il-liġi u l-buon ordni, biex tipprevjeni l-kriminalità u ssostni s-sistema ġudizzjarja. 

“Illum il-ġurnata l-pubbliku ma għadux iħares biss lejn il-Korp tal-Pulizija wara li tiġri xi tip ta’ kriminalità, imma qed naraw ukoll lill-pubbliku qed jersaq lejn il-Korp anke sabiex jitkellem u jgħin lill-istess korp. U allura l-aspetattivi tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija għolew mhux ftit,” qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Ministru temm jgħid kif fl-aħħar jiem fil-Parlament, b’mod unanimu saru l-emendi neċessarji biex tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika u allura s-soċjetà se tħares lejn il-Pulizija sabiex ikunu huma li jaħdmuha. Għalhekk, il-Ministru appella sabiex il-Pulizija tassew ikunu t-tarka tas-soċjetà u t-tarka tal-artisti, u mhux l-għodda ta’ kif wieħed joħnoq din il-forma ta’ espressjoni f’pajjiżna. 

Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafà, filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija għas-sehem kbir tagħhom matul l-aħħar sena u matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena, qal li “fl-okkażżjoni tal-lum qed nirrikonoxxu l-lealtà u d-dedikazzjoni tagħkom bħala membri tal-Korp li intom dedikati u motivati fix-xogħol tagħkom. Is-sena l-oħra kienet sena impenjattiva, fejn il-Korp tal-Pulizija kiseb suċċessi fejn ġew solvuti numru ta’ reati, anke reati kumplessi u serji, erġajna esperjenzajna tnaqqis f’numru ta’ reati.” 

Il-Kummissarju Gafà fakkar fl-istħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ippubblikat ftit xhur ilu, li fih 90% tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fl-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Is-Sur Gafà qal li l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija tikber billi kull uffiċjal jaħdem kuljum għaliha. 

Ekonomija

Sport