Saturday, May 4, 2024

Uffiċjali tas-sigurtà fi Ġgantija libsu boxer shorts flok uniformi… wieħed imkeċċi u l-ieħor le

Dak imkeċċi rebaħ €8,000 fuq tkeċċija inġusta

Aqra wkoll

Telgħu jagħmlulhom spezzjoni b’karozza privata u dan għax skont uffiċjal tal-kumpanija Executive Secutity Services Ltd   “kienet normali li kif jirfes il-vapur, diġa jkun ġie mgħarraf ir-rikorrent u xi ħadd iwissih li se ssir spotcheck”.

Issir spezzjoni u jinstab li s-securities kienu fil-post tax-xogħol imma jinstabu mhux bl-uniformi imma b’boxer shorts. L-għada stess, wieħed mill-uffiċjali ta’ sigurtà jirċievi telefonata li l-impjieg tiegħu kien itterminat. L-uffiċjal l-ieħor ta’ sigurtà iżda baqa’ impjegat. It-tribunal sab nuqqasijiet kif imxiet il-kumpanija, iddikjarat li tkeċċa b’mod inġust u tatu kumpens ta’ €8,000.

Xehdet Caroline Tabone li taħdem fl-amministrazzjoni mal-kumpanija. Hija qalet ukoll li l-persuna nkarigata li tagħmel ir-ronda kienet tmur regolari tinfurmaha kif kienu l-affarijiet iżda fl-14 ta’ Ġunju dan qalilha li Samuel Curmi nstab bla uniformi u kien rieqed waqt li suppost kien is-security għassa. 

Hija qalet ukoll li Samuel minkejja li l-persuna identifikat ruħha u kienet bl-uniformi xorta ma fetaħlux u beda joffendih. Hija qalet li nħarġet charge letter bl-akkużi. Din l-ittra nbagħtet fl-14 ta’ Ġunju stess.

Fil-kontro eżami hija qalet li l-persuna li rrapurtatu m’għadux jaħdem Malta u li hu minnu li s-CEO tal-kumpanija ħareġ ordni biex ħadd ma jiftaħ lil ħadd matul il-lejl. Hija qalet ukoll li wara erbat’ ijiem intbagħtitlu wkoll ittra ta’ twissija. Hija kkontestat il-fatt li ċ-charge letter qatt ma waslitlu kif suġġerit mill-Avukat ta’ Curmi għax inbagħtet fuq l-istess email li jirċievi fuqu l-payslip.

Ix-xhud ikkonfermat li l-ittra tat-terminazzjoni lil JobsPlus kienet intbagħtet u fiha ġiet identifikata t-13 ta’ Ġunju bħala l-aħħar ġurnata xogħol, għax dik kienet l-aħħar ġurnata li kien xogħol. 

Hija nnegat li lil Samuel Curmi qaltlu ‘inti tersaqx għax-xogħol’ nhar l-14 ta’ Ġunju. Enfasizzat li ntbagħtet charge letter fl-14 ta’ Ġunju li fiha kien mitlub jagħti ġustifkazzjoni ta’ għemilu u li fin-nuqqas ta’ dan se jingħata twissija. Hija qalet li erbat’ijiem wara nħarġitlu ittra ta’ twissija u sussegwentement mal-JobsPlus tniżżel li ġie tterminat u għalhekk l-aħħar ġurnata ta’ xogħol tiegħu, kienet it-13 ta’ Ġunju.

Hija qalet ukoll li meta kienu ċemplulu hu qalilhom li l-ittra ta’ twissija ma riedx jiffirmaha u ma jridx jitkellem. Ix-xhud ikkonfermat li hija kkuntattjatu wara li l-erbat’ijiem kienu għaddew u qaltlu biex jiġi jiffirma l-ittra ta’ twissija. 

Xehed ukoll Stephen Ciangura fil-kapaċità ta’ Managing Director tal-kumpanija tas-sigurtà tal-ġenituri tiegħu. Huwa qal li l-kumpanija timpjega madwar 75 securities u jiftakru sew dan il-każ għax rari jkollu xi ħaġa simili.

Huwa qal li kienu waslu xi rapporti u bagħat persuna biex tiċċekkja lil Samuel, u l-karozza li uża ma kinitx tal-kumpanija proprju biex ma jiġix identifikat għax la l-każ kien Għawdex, huwa qal li kienet normali li kif jirfes il-vapur, diġa jkun ġie mgħarraf ir-rikorrent u xi ħadd iwissih li se ssir spotcheck. 

Emanuel Tabone fil-kapaċità ta’ wieħed mis-securities  li jaħdmu mal-kumpanija, xehed  li kien ilu jaħdem seba’ snin, u fil-lejl in kwistjoni huwa kien xogħol. Għal xit-tlieta ta’ filgħodu  ġie jħabbatlu persuna liebes l-uniformi tas-security u tah warning għax kien bla uniformi.

Din il-persuna staqsiet ukoll lix-xhud jekk jistax jidħol u jgħaddi biex imur in-naħa tat-tempji. Ix-xhud qal li hu ma aċċettax għax kellhom ordni li ma jdaħħlu l-ħadd. Ix-xhud qal ukoll li l-għada filgħodu kif spiċċa x-xift iltaqa’ ma’ Samuel Curmi iżda ftit jiftakar x’qalu, ħlief li ġew jiċċekjawhom dak il-lejl. 

L-avukat  Chris Said għan-nom tar-rikorrent qal li r-rikorrent tkeċċa mingħajr biss qatt kellu twissija la bil-fomm u lanqas bil-miktub. Qal ukoll li ma kienx il-każ li ma nstabx fuq xogħlu iżda l-unika akkuża li ġiet ippruvata kienet li ma kienx liebes l-uniformi.

F’dak il-lejl stess mill-provi ħareġ li kien hemm security guard ieħor on duty li wkoll instab bla uniformi iżda ma tkeċċiex imma ngħata twissija. Dr Said qal ukoll li s-soċjetà kellha kull opportunità ġġib jixhed lil min mar fuqu bil-lejl u qabdu izda ma tellgħuhx jixhed. Qal li setgħu ġabu affidavit u jsir kontro-ezami bl-iSkype. Dr Said qal li l-unika prova li ressqet is-soċjeta kienet ic-charge letter li filfatt hija falza għax inħarġet wara li tkeċċa, hekk kif irriżulta mill-provi. Inħarġet wara li s-soċjetà ntebħet li għamlet żball. Dr. Said qal li huwa talab għall-filmat li jkun fuq is-CCTV kamera u ma ngħatalux. 

L-avukat Matthew Brincat f’isem il-kumpanija ntimata qal li t-tkeċċija skattat propju in segwitu ta’ x’ġara fil-lejl in kwistjoni. Huwa qal li l-kumpanija kellha diversi lmenti li b’mod ġenerali kienu li ċerti security guards mhux qed jaqdu dmirijiethom sew. Dr. Brincat qal li r- rikorrent instab minn persuna li nbagħtet apposta biex tiċċekkja, nstab rieqed mal-art u bla uniformi.

Qal ukoll li l-kumpanija meta għamel xogħolu sew faħħritu u issa ħadha kontra l-kumpanija għax inqabad ma jagħmilx xogħlu. Dr. Brincat qal li c-charge letter ħargitlu in segwitu tal-inċident. Fl-14 ta’ Ġunju hu ngħata opportunita’ biex jirregola ruħu. Qal ukoll li l-persuna li qabditu rieqed huwa barrani u m’għadux Malta. Dr. Brincat qal li la hu u lanqas il-kollega tiegħu ma raw lir-rikorrent u sta għat-Tribunal li jiddeċiedi jekk kienx rieqed la nstab bla uniformi u jekk hux vero simili skont l-akkuza li fiha c-charge letter. 

It-Tribunal qal li ħa inkunsiderazzjoni li fil-lejl in kwistjoni meta ġie avviċinat minn persuna mibgħuta mis-socjetà biex tiċċekkja xi jkun jagħmel mal-lejl, dan tal-aħħar ma ddaħħalx fil-kumpless mir-rikorrent fuq struzzjonijiet mogħtija lilu mill-Manager tal-Heritage Malta stess.

L-istess Tribunal qies li l-persuna li marret tħabbatlu għalkemm kien liebes l-uniformi ma kellux identifikazzjoni x’juri meta kien mitlub jagħmel dan mir-rikorrent. Qies ukoll  li l-persuna li nbagħtet mis-socjeta’ f’dak il-lejl waqt li r-rikorrent kien fuq xogħolu bħala security guard la xehdet u lanqas pprezentat affidavit. L-istess tribunal qies ukoll li kien proprju x’irrapportat din il-persuna li ntbagħtet li wassal għat-terminazzjoni tar-rikorrent.

L-istess tribuanl ikkunsida li  l-impjieg ġie tterminat eżatt dakinhar kif ħareġ mix-xift ta’ bil-lejl u li ma sar l-ebda proċess dixxiplinarju. Qies ukoll li s-soċjetà ssostni li r-Samuel Curmi  kien rieqed minkejja li kien fuq il-post tax-xogħol u dan qed jiġi ddeterminat mill-fatt li ma kienx liebes l-uniformi.

It-tribunal qies ukoll li fl-istess lejl f’parti oħra ta’ l-istess kumpless fejn kien xogħol Samuel Curmi, kien hemm ukoll kollega tiegħu fl-istess kariga u kien qed jgħasses ukoll matul il-lejl li wkoll kien mingħajr uniformi. It-tribunal qies ukoll li l-kollega l-ieħor is-Sur Tabone ma ġiex itterminat izda ngħata twissija li rċeviha ħmistax wara l-incident. 

It-tribunal fid-deċiżjoni tiegħu qal li “kien ikun wisq utli kieku l-persuna li skont x’qalet hi, f’dal-każ uffiċjal mibgħut mill-kumpanija biex jara u jirraporta lis-superjuri tiegħu x’kien qed jagħmel ir-rikorrent, kieku dan b’xi mod wassal hu stess il-veżzjoni tiegħu lil dan it-Tribunal imqar b’affidavit u bil-mezzi teknoloġiċi tal-lum, jekk jinsab barra minn Malta, xorta jista’ jiġi eżaminat u kontro-eżaminat. Dan filfatt ma seħħx. Il-provi li tressqu mill-kumpanija allura ma kinux konvinċenti meta tqis li strieħu fuq ir-rapport li għamel dan l-uffiċjal.

“Lanqas ma ġie ppreżentat xi footage minn xi CCTV camera li post bħal ma hu fejn kien impjegat ir-rikorrent ikun mgħammar bihom. Dan it-Tribunal ma jistax ma jinnutax li jekk inħass il-bżonn li tintbagħat persuna, għall-għarrieda, bla avviz biex tissindika u forsi taqbad filfatt xi jkun qed jagħmel impjegat matul il-lejl, allura dan ifisser li kien hemm xi ħsieb jew avveniment li seta’ spira dan il-proċess. Dan it-Tribunal jemmen li jekk kien hekk il-każ, kien ikun aktar proċess onest kieku Samuel Curmi ġie mgħajjat mis-superjuri tiegħu, jgħidulu bis-suspetti, jiġi ammonit u jekk hemm bzonn jingħata twissija bil-miktub. Dan ma sarx. Lil dan it-Tribunal ma rriżultalux li fl-erba’ snin li r-rikorrent dam jaħdem mas-socjetà kien hemm xi drabi fejn naqas minn dmirijietu jew kellu xi rapport ħażin, anzi l-provi li nġabu juru bil-kontra.

“It-terminazzjoni kienet iddur mal-lejl tat-13 ta’ Ġunju 2019 biss li strieħet fuq x’qal il-persuna mibgħuta u xejn aktar. Huwa wkoll stramb il-fatt li s-soċjetà tinsisti li l-akbar evidenza li r-rikorrent kien rieqed waqt il-qadi ta’ dmirijietu kien il-fatt li ma kienx liebes l-uniformi. Bħala fatt dan ukoll mhux validu minnu nnifsu meta tqis li kollega ieħor tiegħu wkoll kien mingħajr uniformi fl-istess lejl waqt li kien qed jagħmel l-istess funzjoni u li ma ġiex itterminat minn xogħolu. F’każ bħal dan li jiġi evalwat skond il-bilanċ tal-probabilitajiet, mhux konvinċenti li ċ-charge letter ħarġet qabel ma biss kien hemm pjan biex jiġi tterminat r-rikorrenti. It-Tribunal hawn jinnota li kollox idur ma’ pjan ta’ lixka bit-tir li jaqa’ fih xi mpjegat.”

Intqal li “għal dan it-Tribunal jekk tinħareġ charge letter wara li evidentement saret wara telefonati konfrontattivi ma tantx jawgura tajjeb li kienet parti minn xi proċess dixxiplinarju, biex wieħed ma jgħidx ukoll li kien ivvizzjat minn kif seħħew l-affarijiet. Dan jigi kkonfermat ukoll mill-fatt li sakemm suppost ġiet imwieġba ċ-charge letter, r-rikorrent kien diġa’ nqala’ mir-roster. Tajjeb wieħed isemmi wkoll il-fatt li l-kollega tar-rikorrent irċieva twissija ħmistax-il ġurnata wara dan l-inċident. Għal dan it-Tribunal iħoss li proċess mgħawweġ beda jipprova jiġi ddrittat wara li seħħet it-tkeċċija ta’ Samuel Curmi. Għaldaqstant dan it-Tribunal hu tal-fehma li t-tkeċċija tar-rikorrent mill-impjieg kienet waħda nġusta u mhux skont il-liġi u qiegħed jillikwida l-kumpens dovut lir-rikorrent għas-somma ta’ €8,806 li għandha tingħata lil Curmi fi żmien xahar.” 

Sport