Ihor Cardaci, Ukren ta’ 31 sena li m’għandux saqaf fuq rasu kien ikkundannat 16-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li seraq flus kontanti minn kaxxa tad-donazzjonijiet fil-Knisja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara.
Il-każ seħħ nhar id-19 t’Awwissu li għadda, għall-ħabta bejn il-4.45 p.m. u l-5.30 p.m, b’Cardaci jwieġeb ħati wkoll li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
Fil-Qorti ħareġ li l-imputat ġie Malta fl-2018 u kien tilef l-impjieg tiegħu. Intqal li kien dan l-episodju li wasslu biex jaqbad dan il-vizzju.
Id-Difiża spjegat li Cardaci seraq ammont żgħir ta’ flus u li aktar tard kien kellem lill-qassis u ammetta miegħu ta’ dak li għamel u sostna li ried jagħmel tajjeb anke għall-ħsarat ta’ żgass li wettaq. Huwa tenna din l-ammissjoni tiegħu anke mal-Pulizija.
“Li wieħed juri ċertu rimors diġà huwa pass pożittiv,” saħqet id-Difiża. Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qiegħda tinsisti fuq sentenza effettiva ta’ ħabs anke fid-dawl li huwa għandu fedina penali netta.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, filwaqt li sabitu ħati, ikkundannatu sentenza sospiża.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci. L-Avukat Charmaine Cherrett dehret għal Cardaci.