Wednesday, December 25, 2024

Ulied imsawta b’magħrfa tal-injam

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Adulterju, offiżi gravi, insulti u theddid flimkien ma’ vjolenza fiżika, finanzjarja, emozzjonali, sesswali u psikoloġika, waslu biex tkisser żwieġ bejn koppja b’żewġt itfal. L-aġir, hekk deskritt mill-Qorti tal-Familja minn raġel fuq martu u wliedu, kien “wieħed vjolenti u rresponsabbli tant li l-ħajja matrimonjali tagħhom mhux biss spiċċat bħala waħda insapportabbli imma saħansitra perikoluża”. Dan minħabba li f’dan iż-żwieġ kien hemm vjolenza min-naħa tar-raġel fuq martu u l-istess uliedu. 

L-aġir estrem, li huwa ksur serju tal-obbligi ta’ persuna miżżewġa, kien frott ta’ manipulazzjoni u kontroll assolut min-naħa tar-raġel. Fix-xhieda tagħha l-mara ddeskriviet kif żewġha kien isawwatha quddiem uliedhom. Iżda mhux biss. Dan kien saħansitra jsawwat lill-uliedu b’magħrfa tal-injam, iħalliha bla flus u bla ikel, kif ukoll ma kienx jagħtiha ċavetta tad-dar bl-iskop li tibqa’ magħluqa fid-dar. 

Din il-vjolenza sistematika dejjem tiggrava esponiet lill-omm u liż-żewġ minuri tal-koppja għal trawma serja hekk kif ikkonfermaw professjonisti li xehdu fil-proċeduri tant li t-tfal kellhom jingħataw għajnuna psikoloġika. Dan peress li l-ħsara li saritilhom fuq tul ta’ żmien ħalliet impatt negattiv tant fuqhom li beda jkun rifless fl-imġieba tal-istess tfal. 

Fil-fatt, minn dak li ħareġ fil-qorti, it-tifel tal-koppja tant kien ġie influwenzat ħażin minn dak li ra fid-dar li beda juri ċerta agressività lejn oħtu u ommu bil-konsegwenza li t-tifel illum il-ġurnata għaddej programm apposta u jżur lil ommu u lil oħtu fi tmiem il-ġimgħa. Bħallikieku l-abbuż estrem tul iż-żwieġ ma kienx biżżejjed, fil-Qorti ħareġ ukoll li dan  baqa’ sejjer anke tul il-proċeduri tas-separazzjoni. 

Kellha 16-il sena meta nsista li tiżżewġu

Fil-proċeduri l-omm qalet li kellha titlaq mid-dar matrimonjali minħabba l-aġir ta’ żewġha u sabet kenn f’dar li tilqa’ persuni fil-bżonn fejn anke talbet għa ordni ta’ protezzjoni. Fil-bidu tar-relazzjoni ma’ żewġha hija kien għad kellha biss 16-il sena u spjegat li meta kienu jiġġieldu, ir-raġuni kienet tkun minħabba l-mod kif tilbes. Ir-raġel, ikbar minnha sew mill-età, ma riedx li jibqgħu għarajjes u f’qasir żmien talabha biex tiżżewġu inkella kien se jħassar.

Il-mara  spjegat kif darba minnhom kienet semgħatu jitkellem ma’ raġel Għarbi ieħor fejn kien qallu li kien baqa’ jinsisti li jiżżewġu peress li kienet se tiskadilu l-Visa. Fiż-żwieġ l-argumenti bdew fuq kemm il-mara kienet tagħmel ħin fuq it-telephone ma’ oħtha minkejja li ma kien hemm ebda ħlas involut. Wara ftit hija kienet ħarġet tqila bl-ewwel wid u kien għalhekk li waqfet mill-istudji tagħha. Hawn bdew argumenti oħra, din id-darba fuq il-kwistjoni li r-raġel beda jaħdem bit-trakkijiet u jsiefer fuq xogħol għal tul ta’ żmien b’waħda minnhom twila sentejn. 

Il-problemi jirriżulta li aggravaw hek kif il-mara kellha tmien xhur tqala. Spjegat li hawn żewġha kien ħareġ jixrob u xi l-4:00 ta’ filgħodu qabdet u ħadet ħwejjiġha għand ommha. Wara ftit ir-raġel kien mar għand ommha u beda jdoqq il-horn. Il-mara tqila kienet għażlet li tibqa’ ġewwa u f’dan il-ħin, ommha bdiet tipprova tifthila moħħha fuq il-keded li kien qiegħed jagħtiha iżda hija ma xtaqitx li t-tifla titrabba mingħajr missier. 

Imur jixrob kull darba li jkollhom argument

Qalet li żewġha kien dejjem igib skużi differenti però qatt ma kien jgħarrafha b’xejn. Filfatt mhux l-ewwel darba li kien jeħodha għand oħtha u huwa jmur jixrob kull darba li jkollhom argument. Fl-affidavit tagħha l-mara qalet li żewġha qatt ma kien jagħtiha flus u li kien huwa li kien jikkontrolla kollox tant li x-xirja u l-affarijiet ta’ kuljum kien jixtrihom huwa. Spjegat li lilha qatt ma kien ħalliha titgħallem il-karozza u dan lanqas ma’ instructor mara. Meta kienet tqila bit-tieni wild, kienet sabitlu żewġ nisa Taljani ħbieb fuq Facebook u meta staqsitu min kienu, “qabad jargumenta, qaleb l-ikel minn fuq il-mejda u beda jgħajjat kemm jiflaħ. Kif konna fil-kamra tiegħu, qabad ċintorin u beda jagħtini bih kemm jiflaħ. Dak il-ħin tfajt idejja fuq żaqqi biex nipproteġi lit-tarbija”. Hekk kif waqaf, xehdet li żewġha beda jiskuża ruħu u li dak il-lejl kien insista li jkollhom rapport intimu. 

Il-mara spjegat li żewġha kien isakkar f’kamartu biex la hija u lanqas it-tfal ma kienu jidhlu fiha. Biex l-affarijiet jikkomplikaw ruħhom, skont ma qalet, ir-raġel kemm-il darba kien jgħidiha li se jieħu t-tifla barra mill-pajjiż mingħajrha u kien għal din ir-raġuni li għamlet kuntatt ma’ Appoġġ, avukat u ħaddiema soċjali b’riżultat li ħarġet mandat biex il-minuri ma jkunux jistgħu jinħarġu mill-pajjiż. Ġara li maż-żmien ir-raġel beda jsir aktar agressiv kemm magħha kif ukoll mat-tfal. Hawn bdew isegwuhom is-Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal.

Abbuż fiżiku wara inċidenti innoċenti mit-tfal

Fid-deskrizzjoni tal-abbuż fiżiku fuqha, l-mara qalet li kien f’Mejju tal-2014 meta ħebb għall-ewwel darba għaliha. Dan wara li t-tifla kienet waqqgħet il-ħalib fuq is-sodda. Irrakkontat kif wara li ta lit-tifla b’kuċċarina fuq idejha, żewġha ħebb għaliha wkoll fejn infexx jagħtiha b’idejh f’wiċċha u dan fil-preżenza ta’ binthom. Wara dan l-episodju ta’ vjolenza domestika, l-omm marret l-għassa u l-healthcare u lura l-għassa b’ċertifikat mediku. 

Okkażjoni oħra kienet meta t-tfal, biex jilagħbu, kienu sakru lill-missierhom fix-xaft tal-bitħa b’ritraljazzjoni kerha fejn daħal jgħajjat magħhom u reġa’ ħebb għal ommhom. Dan wara li l-mara kienet daħlet twaqqfu. Huwa dar fuqha u qabadha minn għonqha quddiem it-tfal. Spjega li dakinhar filgħaxija hija kienet reġgħet marret l-għassa biex tirrapporta l-każ.

“Minn dakinhar l-affarijiet komplew jiggravaw, l-argumenti bdew jiżdiedu. F’Mejju tal-2015, wara argument minħabba ċ-ċittadinanza ta’ żewġi, tant ma flaħtx aktar li ċempilt lis-social worker tiegħi u għidtilha li xtaqt nidħol f’xelter,” spjegat il-mara. Hija kienet marret f’”Dar Merħba Bik” fejn għamlet madwar xahar. F’dan l-istadju l-mara kienet fetħet medjazzjoni bil-għan li jilħqu ftehim. Sadanittant, żewġha kien segwa lil ommha lejn ix-xelter u kien għamel xenata. Hawn hija kellha tneħħih minn “blocked” u aċċettat li jerġa’ jara lill-minuri. 

Wara diversi wegħdiet u r-raġel kien ħa programm, il-mara waqfet il-proċeduri kolha u rritornat ma’ żewġha. Però l-argumenti reġgħu bdew b’din id-darba relatati mal-flus għax kien iħalliha b’xejn. L-omm qalet li, “mat-tfal xorta waħda kien baqa’ jsawwathom bl-imgħarfa tal-injam (wooden spoon) biex jikkoregihom”. 

Iħallas manteniment inqas minn dak ordnat mill-Qorti… problemi fl-aċċess superviżjonat

Fost aġir ieħor abbużiv il-mara qalet li żewġha ma kienx iridha titla’ fil-karozza tiegħu, beda jagħti kunfidenza lil nisa oħra, sabet messaġġi mingħand nisa oħra sakemm anke beda jixtri l-ħwejjeġ u joħroġ sat-tard. Fir-relazzjoni turbolenti kien hemm bżonn l-assistenza tal-pulizija sakemm irritornat f’xelter u reġgħet fetħet il-proċeduri ta’ separazzjoni.

Hawn il-missier kien ġie ordnat iħallas €500 f’manteniment tat-tfal u ngħata aċċess superviżjonat. Kemm rigward il-manteniment kif ukoll l-aċċess irriżultaw problemi fejn fl-ewwel waħda kien hemm nuqqas fl-ammont li kien jagħti ta’ kull xahar, mentri fil-każ tal-aċċess kien hemm inċidenti  ta’ kunflitti bejn il-missier u l-iben tant li l-omm kellha tieħu lil binhom il-YPU. 

L-omm qalet fil-Qorti li waqt aċċess superviżjonat minnhom il-missier ikkoreġa lil binhom billi tah daqtejn fejn is-supervisors kienu intervjenew imma l-intimat dar fuqhom u qalilhom biex ma jindaħlux. Sostniet li t-tfal lanqas fl-Appoġġ ma kienu siguri minħabba swat u theddid mill-missier.

Theddid b’filmat intimu

Dawn u problemi oħra kienu kkonfermati mill-professjonisti fix-xhieda tagħhom. Ma’ dan kollu kien hemm kwistjoni serja għall-omm li stqarret mal-Qorti li ġiet mhedda minn missier uliedha li jekk ma tħallihx jara t-tfal, huwa kien se jxandar filmat intimu tagħhom fuq il-midja soċjali. Rigward il-manteniment, fil-Qorti l-mara nsistiet li r-raġel kien dejjem ħallihom neqsin mill-flus tant li ġieli kellha toqgħod bil-guġ hija biex ikolha biżżejjed biex titma lill-uliedhom. Minkejja li l-intimat kien ġie ordnat iħallas €500, kien qiegħed jagħtiha €300 fix-xahar. 

F’dan l-istadju l-atteġjament tat-tifla tal-koppja beda jimita dak ta’ missiehom u kienet qiegħda tagħti ħafna keded lill-ommha. Żewġha kien kompla juża lill-minuri biex jikkontrollaha. 

F’dan il-każ kienu involuti fost l-oħrajn is-sezzjoni tal-Pulizija tal-Vjolenza Domestika u taċ-Child Protection. Mix-xhieda ħareġ li l-omm kienet tesebixxi sinjali li sofriet vjolenza psikoloġika ta’ manipulazzjoni u ta’ kontoll inkluż dak finanzjarju.  Ħaddiema soċjali fix-xelter li fih kienu jirrisjedu l-omm u t-tfal qalet li għall-omm kien importanti ħafna l-valur tal-familja u li kien għalhekk li din kienet ħafret kemm-il darba li żewġha. 

Din ix-xhud qalet likemm l-omm u anke t-tfal żvelaw informazzjoni dwar l-abbuż li kien issir fejn l-omm kienet issofri minn “abbuż fiżiku għal semplici nuqqas ta’ obidjenza ta’ xi ordni tal-intimat għalhekk kien isawwatha fiżikament regolarment”. Da parti tal-minuri, speċjalment fil-bidu, kien hemm aġir aggressiv fejn kienu isawwtu lil ommhom u anke lil xulxin. Barra minnhekk, id-diskors tal-minuri huwa vjolenti u mżewwaq bid-dagħa. Wara bdew jingħataw terapija, illum l-imġieba tagħhom tjiebet u sar progress anke l-iskola. Ġie nnotat kambjament ikbar fit-tifla u li kien il-missier li jiddeċiedi meta jċempel lit-tfal.

Fil-proċeduri rriżulta li l-missier ma’ kellux employment history imma kien reġistrat bħala self employed. Dan kien ibigħ xi karozzi fejn mid-dettalji ħareġ li r-raġel kellu diversi vetturi rreġistrati f’ismu.

Tgħallem modi ta’ dixxipina b’mezzi oħra…

Ir-raġel min-naħa tiegħu sostna li ż-żwieġ tkisser tort ta’ martu għax skont huwa din ma ġabitx l-interess tal-familja qabel interessi oħra u li mhuwiex minnu li huwa bniedem kontrolluż u vjolenti. Minkejja li ċaħad vjolenza huwa ammetta li eżerċita “ċertu miżuri ta’ dixxiplina fuq il-minuri li mhumiex aċċettati llum il-ġurnata”. Dan il-missier qal li jaf u tgħallem modi ta’ dixxiplina b’mezzi oħra iżda nsista li ma jistax iħalli lill-minurri “jagħmlu li jridu għax il-probemi fil-futur ikunu ferm akbar”.

Min-naħa tiegħu sostna li l-problemi bdew tort kliem mhux veritier minn kuġinuh lil martu b’allegazzjonijiet kontrih fis-sens li wara li kien jikseb il-passaport Malti biż-żwieġ, huwa kien se jkeċċiha mid-dar u jġib mara oħra mill-pajjiż tiegħu. Hekk kif qal huwa, “il-ġlied eskala sakemm darba rritorna d-dar mix-xogħol u ma sibt lil ħadd”. Rigward il-flus huwa spjega li martu kienet tgħidlu x’għandha bżonn u huwa kien jagħtiha l-flus. Ikkonferma li kien huwa li kien imur jixtrri peress li martu ma ssuqx u li ma kienx iħalli l-flus id-dar għax jekk kien jinqala’ xi ħaġa, huwa kien imur dak il-ħin. Huwa ċaħad li kien issawwat lill-minuri bil-wooden spoon iżda kkonferma li waqt aċċess ta waħda fuq il-warrani lil ibnu. Innega wkoll li uża kliem oxxen fil-preżenza tat-tfal u dan minkejja li dan kien ġie rrappotat mill-Ħaddiema Soċjali li kienu preżenti. 

Minkejja li kien hemm ordni li jżomm ‘il bogħod minn omm uliedu r-raġel fil-Qorti qal li huwa ħbieb mal-ġar tagħha għax jaħdmu flimkien kif ukoll insista li huwa jiltaqa’ ma’ martu u jmur jorqod u anke joħroġ bit-tfal però ċaħad li biex jagħtiha l-manteniment ġiegħla tiltaqa’ miegħu bilfors u turih lit-tfal. 

Min-naħa tagħha l-mara fil-kontro eżami fir-rigward qalet li l-aħħar darba li ltaqghet miegħu kien f’Ottubru tas-sena l-oħra meta kienu ltaqghu jieħdu kafè wara li ġie sospiż l-aċċess. Qalet li dakinhar kienet nieżla ħafna xita u li kien baqa’ jdur biha fil-karozza. Spjegat li dakinhar kellha rapport miegħu u wara li waqfet tiltaqa’ miegħu, ir-raġel waqaf jgħaddilha l-manteniment għal uliedhom. Sostniet li biex żewġha jagħtiha l-manteniment, hija kienet kostretta jkollha rapport intimu miegħu.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ppronunzjat is-separazzjoni; afdat il-kura u l-kustodja tal-ulied esklussivament f’idejn l-omm; ordnat manteniment ta’ €350 fix-xahar tat-tifla u €250 għat-tifel li eventwalment jekk imur jgħix mal-omm dan jitla’ wkoll għal €350 fix-xahar; ordnat lill-missier iħallas l-arretrati ta’ manteniment u spejjeż fl-ammont ta’ €9,400; approvat ordni ta’ protezzjoni in vigore favur l-omm u anke favur il-familjari tagħha; iddikjarat xolta l-komunjoni tal-akkwisti u llikwidat u qasmet il-komunjoni tal-akkwisti inklużi l-vetturi mibjugħa mir-raġel fejn ordnatlu jirrimborsa lill-attriċi arbitrio bon viri is-somma ta’ €15,000. 

L-ispejjeż kollha, inklużi dawk tal-proċeduri tal-medjazzjoni u l-Mandat ta’ Inibizzjoni, ġie deċiż li jitħallsu mir-raġel.

Ekonomija

Sport