It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena, immexxi mill-coach Ivan Woods, illum jilgħab it-tielet logħba tiegħu minn Grupp B tar-round ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2024, meta f’Tony Bezzina Stadium, jilqgħu lill-Belġju.
Iż-żgħażagħ Maltin ġejjin minn żewġ telfiet kemmxejn diffiċli f’pajjiżna stess – 6-0 kontra Spanja u 3-0 kontra l-Ungerija.
Għal Woods din hi esperjenza ġdida hekk kif inħatar fir-responsabbiltá ta’ dan il-grupp ta’ players ftit tal-ġimgħat ilu.
Fil-veritá l-għażla ta’ players hija waħda limitata minħabba l-players ta’ din il-kategorija ftit li xejn qed jingħataw iċ-ċans biex juru l-ħiliet tagħhom minħabba li n-numru ta’ influss ta’ players barranin kiber għal tmienja waqt logħba.
Barra minn hekk, din hija l-ewwel esperjenza ta’ ħafna mill-players f’dan il-livell internazzjonali.
Filwaqt li l-avversarji tagħna ta’ din l-etá jkunu qed iħabbtu l-bieb biex jagħmlu l-grad fit-timijiet rispettivi kif ukoll fl-iskwadra nazzjonali tal-kbar, il-players tagħna għadhom fl-istadju bikri biex jagħmlu dan. U dan qed jintwera biċ-ċar minħabba li qed jissejħu wkoll players ta’ Taħt id-19-il sena.
Woods għażel skwadra inizjali ta’ 29 player li ġiet imnaqqsa għal 22.
Huwa żamm lil Daniel Letherby u Alfie Bridgman li għalihom hija l-ewwel darba li ġew magħżula wara li kienu parti mit-team li ħadu sehem fil-Euro 2023 U/19, f’Malta.
Dylan Ciappara ngħaqad maż-żewġ goalkeepers Matthias Debono u Hugo Sacco waqt li Jake Vassallo ġie mgħajjat minn Malta A. Lura fl-iskwadra huwa Isaac Cutajar li tilef l-aħħar tliet logħbiet.
L-avversarji tal-Maltin huma l-Belġjani li huma mmexxija mill-coach Gill Swerts ta’ 41 sena li lagħab 17-il darba għal pajjiżu.
Fost il-players l-aktar rappreżentattivi għall-Belġju ta’ din il-kategorija huma Koni de Winter (Genoa), Ignace Van der Brempt (Hamburg) u Eliot Matazo (Monaco).
Wara dan il-partita, nhar it-Tlieta li ġej, il-Maltin ikunu mpenjati f’konfront diffiċli ieħor, din id-darba kontra l-Iskozja, fil-belt ta’ Motherwell.
L-iskwadra Maltija hija komposta minn:
Goalkeepers: Dylan Ciappara (Mosta), Matthias Debono (Naxxar L.), Hugo Sacco (ENMU – Stati Uniti)
Difensuri: Matthew Ellul (Zabbar SP), Isaac Cutajar, Zean Leonardi (Pietá H.), Mattias Ellul (Sta Lucia), Owen Spiteri (Floriana), Jake Vassallo (Mosta).
Midfielders: Jake Micallef (Leixoes – Portugall), Kurt Bondin (Zebbug R.), Daniel Letherby (ENMU – Stati Uniti), Andrew Borg (Gzira U.), Gianluca Sciberras (Mosta), Aleandro Garzia (Floriana), Karl Mohnani (Melita), Nikolai Micallef (Naxxar L.).
Attakkanti: Jamie Carbone (Sta Lucia), Alfie Bridgman (Eastbourne B. – Ingilterra), Mattia Veselji (Floriana), Andrea Zammit (Messina), Jake Engerer (Sliema W.).
Il-partita konta l-Belġju se tintwera diretta fuq TVM Sports, fis-6.00 pm.