Wednesday, July 24, 2024

Under 21: Spanja wisq b’saħħithom għall-Maltin

Aqra wkoll

Malta ……..0

Spanja ……6

Fil-partita inawgurali tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt il-21 sena, Spanja irriżultaw bħala wisq b’saħħithom għall-Maltin, meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 6-0.

Huma għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss ħames minuti meta Ilias Akomach għadda tajjeb lejn DIEGO LOPEZ li kien fil-post it-tajjeb u b’aġilitá u opportuniżmu liema bħalu tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fil-15-il minuta, l-Ispanjoli rduppjaw l-iskor meta wara azzjoni ta’ corner, il-goalkeeper Malti Hogo Sacco ħareġ ħażin, bil-ballun jintemm għand l-attakkant, GABRI VEIGA, li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.

Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Spanja, u erba’ minuti biss wara, għamluhom tlieta, meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, GABRI VEIGA, ikkontrolla l-ballun fil-kaxxa u b’intuwizzjoni naturali, tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjeta personali fi spazju ta’ erba’ minuti.

Fit-38 minuta, l-Ispanjoli kellhom f’saqajhom il-ballun tar-raba’ goal meta Pablo Barrios, kellu x-xutt tiegħu fil-baxx devjat f’corner minn Jake Vassallo, biex evita goal ċert.

U jidher li l-Ispanjoli ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima għamluhom erbgħa, meta ILIAS AKOMACH minn azzjoni brillanti, u minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Malta wieġbet għal-ew­wel darba fil-55 minuta meta Alejandro Garzia għadda tajjeb lejn Mattia Veselji, li kellu l-konklużjoni tiegħu salvata mill-goalkeeper Pablo Cufat.

Iżda kienu Spanja li resqu viċin li jiskorjaw il-ħames goal fid-59 minuta, meta xutt minn barra l-kaxxa l-kaxxa tas-sostitut Pablo Torre indi­rizzat lejn ir-rokna tax-xibka ġie salvat f’corner minn Hugo Sacco.

Madankollu, huma ma kellhomx jiġu mċaħħda fis-70 minuta, meta minn cross ta’ Alvaro Ferandez, il-ballun spiċċa f’saqajn PABLO TORRE, li mill-viċin tefa’ ġewwa.

L-Ispanjoli komplew jas­sedjaw lil-lasti Maltin, u minuta biss wara skorjaw s-sitt goal meta BENAT TURRIENTES, żmarkat minn taħt il-lasta, spara l-ballun f’xibka vojta.

Fis-77 minuta, Hugo Ra­mos falla ċans tajjeb b’daqqa ta’ ras minn taħt il-lasti.

MALTA: 12-Hugo Sacco, 4-Jake Vassallo, 5-Matthew Ellul, 7-Mattia Veselji (9-Jake Engerer 65), 8-Benjamin Hili (13-Nikolai Micallef 76), 10-Andrea Zammit (17-Gianluca Sciberras 87), 11-Alejandro Garzia, 15-Mattias Ellul, 16-Andrew Borg, 19-Basil Tuma (14-Brookyln Borg 75), 20-Kurt Bondin (16-Jake Micallef 65)   – Coach: Ivan Woods

SPANJA: 23-Pablo Cufat, 2-Arnau Martinez (22-Hugo Novoa Ramos 56), 3-Rafa Marin (14-Stefan Bajcetic 65), 5-Alejandro Frances, 7-Ilias Akomach (18-Pablo Torre 56), 8-Benat Turrientes (6-Javi Guerra 72), 9-Ivan Mozon, 10-Gabriel Varga (21-Fran Perez 56), 15-Alvaro Fernandez, 17-Pablo Barrios, 20-Diego Lopez  – Coach: Santa Denia

REFEREE: Lionel Tschudi (Svizzera)

ASS. REFEREES: Stephane De Almeida, Matthias Sbrissa (Svizzera)

RABA’ UFF: Johannes von Mandach (Svizzera)

SKORERS: D. Lopez 5, G. Veiga 14, 18, I. Akomah 49, P. Torre 70, B. Turrientes 71 (S)

AMMONITI: A. Borg, B. Hili (M)

Ekonomija

Sport