Saturday, December 21, 2024

Under 21: Test diffiċli għal Malta kontra r-Russja

Aqra wkoll

Ritratt: Christine Borg

Proprju llum, it-team ta’ Taħt il-21 sena, immexxi mill-coach il-ġdid, Gilbert Agius, jilgħab konfront mill-aktar diffiċli kontra r-Russja, fil-belt ta’ Khimki.

Bla dubju, l-avversarja tagħna huma b’saħħithom ħafna, għalkemm fl-ewwel partita sfaw megħluba minn Spanja bl-iskor kbir ta’ 4-1, inċidentalment l-istess skor li kiseb it-team Malti fuq l-Irlanda ta’ Fuq, nhar il-Ġimgħa li għadda.

Wara l-ewforija ta’ dan is-suċċess, il-coach Agius irid li dak ir-riżultat jintesa u jiffoka fuq logħba tal-lum li hija kompletament differenti.

Agius afferma: “Il-kuntrast tat-temp għandu wkoll jinżamm f’moħħna … mid-90 minuta intensiva f’35 grad f’darna kontra l-Irlanda ta’ Fuq għal 5 gradi u temp kiesaħ hawn f’Moska, fejn se nilagħbu fuq ħaxix naturali, b’kuntrast għat-tħejjijiet tagħna għal din il-logħba fuq wiċċ sintetiku f’pajjiżna. Dawn jistgħu jitqiesu bħala kwistjonijiet żgħar imma għall-players tagħna jagħmlu ħafna differenza.”

 “Din il-partita hija kompletament differenti, se tkun it-tieni partita f’erbat ijiem għalina. Nixtieq nirringraz­zja lill-MFA għat-tħejjijiet kollha tal-loġistika mal-wasla tagħna hawn fir-Russja … madankollu kienet titjira twila għal Moska.”

 Agius żied jgħid: “Qabel it-tluq minn Malta, fis-7.00 am tal-Ħadd,  il-players kienu diġà fil-ground tat-taħriġ iħejju ruħhom għall-impenn tal-lum. Irridu naraw il-kundizzjoni fiżika ta’ ftit mill-players li sofrew daqqiet ħfief fir-rebħa kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

“Aħna qed insegwu s-sitwazzjonijiet kollha biex nassiguraw li llum nilagħbu bl-aħjar formazzjoni possibbli hekk kif ir-Russi se jinżlu b’tattika offensiva.”

“Dawn huma avversarji b’saħħithom u għaldaqstant eżaminajna u analizzajna l-biċċa l-kbira tal-logħbiet tagħhom. Il-players kellhom ukoll l-opportunità li jaraw l-attributi li għandhom l-avversarji tagħna.

“Il-bieraħ fil-għaxija kellna l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ fl-istadium ta’ Khimki biex stajna niffamiljarizzaw mal-ambjent tal-ground.

“Se ninżlu għal din il-partita, konxji mill-fatt li l-avversarji se jkunu ferm diffiċli minn dawk ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda iżda, mingħajr l-ebda dubju, se nagħtu l-massimu tagħna.”

Il-partita se tibda fis-6.00 pm.

Ekonomija

Sport