Sunday, December 22, 2024

Unions fl-Ingilterra b’wieħed mill-ikbar strajks fil-pajjiż fl-aħħar għaxar snin 

Madwar nofs miljun persuna minn setturi varji semmgħu leħinhom fit-toroq

Aqra wkoll

Azzjonijiet industrijali fl-Ingilterra wasslu biex jingħalqu l-iskejjel u l-universitajiet, idgħajfu s-sistema tat-trasport pubbliku u jħarbtu s-servizzi tas-settur pubbliku tal-pajjiż. Dan hekk kif il-unions ilbieraħ għamlu wieħed mill-ikbar strajks li qatt saru f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Huwa stmat li minn tal-inqas 23,000 skola se ntlaqtu minn dan l-istrajk hekk kif l-għalliema tal-iskejjel u l-letturi tal-università, minflok ma wasslu t-tagħlim lill-istudenti, qagħdu jipprotestaw fit-toroq minħabba domanda ta’ żieda fil-paga. 

“Il-Gvern qed juri disprezz lejn is-sistema edukattiva, mhux jipprovdi biżżejjed fondi għall-iskejjel, u mhux jagħti pagi xierqa lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur,” qal wieħed mis-Segretarji Ġenerali tal-Union tal-Għalliema (NEU), Kevin Courtney, waqt dimostrazzjoni li saret mill-għalliema f’Warwickshire.

“Ir-raġuni li wasslithom biex joħorġu fil-beraħ sabiex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet hija minħabba li ta’ kuljum qed jaraw diżordni kbira fl-iskejjel … fl-iskejjel primarji bilkemm għadek issib LSEs għaliex dawn jippreferu jmorru jaħdmu f’xi supermarket fejn qed jingħataw ħlas aħjar milli jiġi jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni,” ikompli jisħaq is-Segretarju Ġenerali Courtney.

Madwar nofs miljun persuna ħadu sehem fl-istrajks tal-lbieraħ. B’hekk, il-jum tal-lbieraħ immarka wieħed mill-akbar jiem ta’ azzjonijiet industrijali li qatt saru fir-Renju Unit hekk kif fit-30 ta’ Novembru 2011 iktar minn żewġ miljun ħaddiema u iktar minn 30 trade union ħarġu jipprotestaw dwar il-pensjonijiet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku. Imseħbin mal-għalliema f’dawn l-azzjonijiet industrijali kien hemm xufiera tal-ferroviji u tax-xarabanks, kif ukoll impjegati mill-qasam taċ-ċivil — inkluż uffiċjali inkarigati mit-testijiet tal-karozzi, ħaddiema tal-mużewijiet, ħaddiema tal-portijiet u tal-ajruport. Il-midja Ingliża Metro rrappurtat illi skont rapport li ġie ppubblikat fl-aħħar sigħat mill-Kungress tat-Trade Unions (TUC), il-paga tal-ħaddiema tas-settur pubbliku hija “agħar minn dik tal-2010”. Barra minn hekk, it-Tlieta li għadda ħarġu twissijiet ta’ azzjonijiet industrijali mill-pumpiera tar-Renju Unit biex titjibilhom il-paga — l-ewwel strajk nazzjonali f’dawn l-aħħar 20 sena.

“Minn survey li sar din il-ġimgħa stess irriżulta li l-pubbliku inġenerali qed jissapportja lill-unions li għaddejjin bl-azzjonijiet industrijali, inklużi lill-unjons inkarigati mill-ferroviji …  il-Gvern jeħtieġ li jiġi f’sensih u jagħti widen għat-talbiet tal-poplu: iċ-ċittadini qed isemmgħu leħinhom; qed jingħaqdu f’għajta waħda favur iż-żieda fil-pagi minħabba l-għoli tal-ħajja,” spjega s-Segretarju Ġenerali għall-Assoċjazzjonijiet tax-Xufiera tal-Ferroviji u l-Pumpiera, Mick Whelan, waqt waħda mid-dimostrazzjonijiet li saru lbieraħqrib l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Euston f’Londra.

Il-kelliem għall-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak isostni li “Fil-fehma tagħna n-negozjati huma approoċċ aħjar mill-azzjonijiet industrijali”. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali għall-Kungress tat-Trade Unions Paul Nowak, bi tweġiba għad-diskors tal-kelliem tal-Prim Ministru Ingliż saħaq li “Jeħtieġ illi l-Gvern jieqaf jipprova joħnoq id-dritt tagħna li nistrajkjaw u jibda jħejji ruħu biex jilħaq ftehim mal-unions dwar it-titjib fil-pagi”.

Ekonomija

Sport