Monday, April 29, 2024

Unions tal-Pulizija Ewropej jiltaqgħu f’Malta biex jiddiskutu l-vjolenza kontra l-pulizija

Aqra wkoll

Il-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-pulizija ġiet diskussa f’laqgħa tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Pulizija, il-EuroCOP, li tlaqqgħet f’Malta. Il-laqgħa ffukat kemm fuq iż-żieda allarmanti ta’ attakki fiżiċi, bil-fomm u virtwali kontra l-pulizija, kif ukoll il-ħtieġa li tibda tinġabar statistika dwar atti ta’ vjolenza kontra l-pulizija fl-Ewropa sabiex programmi ta’ taħriġ għall-pulizija jiġu mirquma aktar.

F’diskors li għamel, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li fl-aħħar ħames snin f’Malta l-atti ta’ vjolenza kontra uffiċjali tal-pulizija baqgħu stabbli b’medja ta’ 116-il każ ta’ vjolenza fuq il-pulizija kull sena. Madanakollu żdiedu b’għaxar darbiet il-każi ta’ theddid u ta’ abbuż kontra l-pulizija.

“L-introduzzjoni tal-bodycams tliet snin ilu tat aktar mezz ta’ protezzjoni lill-pulizija bil-filmati meħudin minn dan it-tagħmir ikunu utli ferm fi proċeduri fil-qrati. Dan wassal biex din l-għodda tkun ta’ benefiċċju kemm għal pulizija u anke għall-pubbliku,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-EuroCOP hija organizzazzjoni li tlaqqa’ flimkien tletin union tal-korpi tal-pulizija minn diversi pajjiżi Ewropej u tirrapreżenta l-interessi ta’ aktar minn kwart ta’ miljun uffiċjal tal-pulizija minn ħamsa u għoxrin pajjiż Ewropew.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport