Sunday, December 22, 2024

UNL: Illum Malta tilgħab kontra l-Estonja

Aqra wkoll

Illum Malta tilgħab it-tielet partita minn erbgħa u t-tieni waħda minn Grupp D2 tal-UEFA Nations Lea­gue meta fl-Istadium Naz­zjonali taffronta lill-Estonja.

It-team immexxi minn Devis Mangia għadu ġej minn rebħa ta’ 2-0 barra minn darna kontra San Marino wara li kien tilef il-partita ta’ ħbiberija kontra Venezwela bl-iskor ta’ 1-0, f’nofs il-ġimgħa li għaddiet.

Sadanittant fil-logħba li ntlagħbet f’Serravalle, il-Ħadd li għadda, il-Maltin kellhom wirja mill-aqwa fit-tieni taqsima wara li dik ta’ qabel il-mistrieħ kienet waħda diżappun­tanti minkejja li konna aħjar mill-avversarji. 

Iżda permezz tas-sosti­tuzzjonijiet li wettaq Mangia wara l-mistrieħ, it-team Malti kien għal kollox trasformat u meritatament ħareġ rebbieħ. 

Iżda fil-veritá ħadd ma kien jaf x’jiġri li kieku l-avversarji ngħataw penalty ivvintat li oriġinarjament ir-referee saffar għalih. Iżda mbagħad wara verifikazzjoni mal-VAR, l-istess pe­nalty ma ġiex konvalidat.

Wara dan l-episodju assistejna għal żewġ goals kapolavuri … minn Jan Busuttil u Matthew Guillaumier … biex taw l-ewwel rebħa lil Maltin fl-ewwel dehra tagħhom ta’ din l-edizzjoni.

L-avversarji tal-lum hu­ma l-Estonja, li proprju rebħu l-ewwel partita ta’ dan il-grupp meta, f’Tallinn, għelbu lil San Marino’ 2-0. 

Din hija partita importanti minħabba li min joħ­roġ rebbieħ jillidja l-klassifika u jkun b’ċans tajjeb li jikkwalifika li jiġi promoss għal-League C.

Fil-kummenti tiegħu għal dan il-konfront, il-coach nazzjonali sostna li t-team jinsab fid-direzzjoni t-tajba meta qal:

“Ma rridx niftaħar bl-istil tal-football tagħna. Irrid inħalli lil ħaddieħor jitkellem għat-talenti li għandna. 

“Il-punti huma impor­tanti iżda nemmen li l-logħba deċiżiva mhijiex dik tal-lum iżda dik fl-Estonja li se tintlagħab f’Settembru li ġej.

Huwa  spjega li r-rebħa kontra San Marino nisslet kunfidenza fil-players.

“Din ir-rebħa tatna fiduċja, iżda minkejja li l-Estonja għelbu lill-istess team bl-istess skor ta’ 2-0,  wieħed ma jistax iqabbel iż-żewġ logħbiet.

“Il-paraguni xi kultant huma odjużi. Se ninżlu fil-ground, nagħmlu l-almu tagħna, nilagħbu l-istil tal-football tagħna u nħallu r-riżultat jitkellem,” temm jgħid Mangia. 

Tkellem ukoll il-captain, Steve Borg, li tenna: “Id-differenza ta’ din il-logħba hija li rridu nirbħu u mhux li għandna nirbħu. Aħna ninsabu fi grupp tajjeb u l-players kollha huma mportanti minħabba li nilagħbu għal xulxin b’mod kollettiv.” 

L-Estonja jinsabu rran­kjati fil-110 post tal-FIFA u huma mmexxija mill-coach Svizzeru, Thomas Haberli. 

Huwa għażel skwadra bi players ta’ esperjenza  mħallta b’talenti żgħażagħ. 

Fost il-players li jilagħbu fi clubs prestiġjużi hemm Maksim Paskotsi li jinsab fuq il-kotba ta’ Tottenham Hotspur u Karl Jakob Hein li jilgħab ma’ Arsenal.

L-aktar player ta’ esperjenza huwa l-captain Konstantin Vassilyev li lagħab 141 darba għal pajjiżu.

Nhar il-Ħadd l-Estonja lagħbet partita ta’ ħbiberija kontra l-Arġentina fejn spiċċaw tilfu 5-0 bil-ħames goals jiġu skor­jati minn Lio­nel Messi. 

Din se tkun is-seba’ logħba fejn il-bilanċ bejn iż-żewġ timijiet huwa wieħed assolut … b’żewġ rebħiet kull wieħed u żewġ draws.

Ekonomija

Sport