Thursday, April 18, 2024

“L-ammont ta’ nies li qasmu lejn Għawdex f’dan il-long weekend nistgħu nikkomparawh ma’ dak tal-2019”

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina

Aqra wkoll

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina, deher ferm pożittiv dwar il-prospetti għas-sajf li ġej. Huwa esprima dan waqt intervista ma’ Talk.mt fejn ġie mitlub jikkummenta dwar l-ammont ta’ persuni li rħewlha lejn Għawdex fi tmiem din il-ġimgħa, li inzerta kien itwal mis-soltu minħabba l-festa tas-Sette Giugno u allura ħafna Maltin irħewlha lejn il-gżira tat-tliet għoljiet sabiex iqattgħu iżjed jiem ta’ vaganzi hemmhekk flimkien mal-għeżież tagħhom.

Cordina sostna li f’dan it-tmiem il-ġimgħa wieħed seta’ jikkompara l-figuri ta’ nies li qasmu l-fliegu lejn Għawdex ma’ dawk li kien hemm fis-sena 2019, ftit qabel ma bdiet il-pandemija tal-COVID-19.

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel kompla jgħid li wara dawn l-ewwel jiem, jidher biċ-ċar li n-nies li se jkunu qed jaqsmu l-fliegu fil-ġimgħat li ġejjin se jkompli jiżdied dejjem aktar, speċjalment hekk kif tneħħew kompletament ir-restrizzjonijiet relatati ma’ din il-pandemija. 

“Mill-indikazzjonijiet li għandna, diversi lukandi, appartamenti u anke farmhouses, diġà jinsabu fully booked u għalhekk jidher li se jkun sajf normali kif aħna mdorrijin bih. Wieħed jittama li din is-sena tkun waħda rekord għall-vjaġġi li jsiru bejn Malta u Għawdex, għalkemm wieħed irid jistenna ħa jara ftit x’se jiġri fil-jiem li ġejjin. Għalkemm se jkun hemm aktar Maltin li se jagħżlu li jsiefru matul dan is-sajf, Għawdex għadu joffri dik l-alternattiva għal vaganza fil-kwiet b’veduti pittoreski”, spjega Cordina.

Cordina temm jgħid li wara l-pandemija n-nies jinsabu ħerqana sabiex jerġgħu jibdew jgħixu ħajjithom b’mod normali, u għalhekk qed jistenna li l-figuri jibdew telgħin bil-mod. Fost l-istennija kbira nsibu dik għall-jiem ta’ Santa Marija li jaħbtu f’Awwissu u li tradizzjonalment tiġbor ħafna Maltin lejn Għawdex. 

Ekonomija

Sport