Friday, December 13, 2024

UNL: Malta b’wirja qalbiena wara t-tkeċċija ta’ Mentz

Aqra wkoll

Malta ……….0

Andorra ……0

Malta temmet l-impenji tagħha ta’ League D2 tal-UEFA Nations League 2025 fuq nota pożittiva meta spiċċat fi draw ta’ 0-0 kontra Andorra u f’Marzu li ġej, tilgħab fil-promotion/relegation play-offs kontra wie­ħed mit-timijiet li spiċċaw fl-aħħar post  tal-Gruppi C, bl-aktar ammont ta’ punti – il-Lussemburgu jew il-Latvja –  hekk kif il-poloz se jittellgħu nhar il-Ġimgħa, li ġej, f’Nyon, l-Isvizzera. 

Fil-veritá, l-arja kienet kemmxejn ‘morra’ wara li, nhar is-Sibt li għadda, il-Moldova rebħu l-grupp wara li għelbu lill-istess Andorra bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jasal fil-ħin miżjud.

Iżda l-Maltin onoraw il-flokk aħmar meta għal aktar minn 75 minuta lagħbu bi player inqas. Iżda wara ftit ħin ta’ inċertezza, il-players tagħna taw prestaz­zjoni qalbiena ta’ kwantita u kwalitá kbira biex jistħoqqilhom kull prosit.

Intant, sa mis-suffara inizjali, il-Maltin mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom hekk kif ħarġu fuq l-offensiva u wara ftit sekondi, Ryan Camenzuli xeħet cross-shot li l-goalkeeper, Iker Alvarez, laqa’ mingħajr wisq tbatija.

Fil-11-il minuta, il-Maltin resqu viċin li jiftħu l-iskor meta f’kontrattakk veloċi Trent Buhagiar kien segwit minn tliet difensuri u b’mod intelliġenti waqqaf il-ballun lil Paul Mbong li minn tarf il-kaxxa immira lejn ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx iżda daqstant kien is-save tajjeb tal-goalkeeper Alvarez.

Żewġ minuti wara, Marc Garcia pprova jinganna bil-goalkeeper Malti, Henry Bonello, b’xutt min-nofs il-ground iżda t-tentattiv kien wieħed dgħajjef.

Fis-17-il minuta, l-aspetattivi tal-Maltin ikkrollaw għal kollox meta Gabriel Bohrer Mentz ikkommetta foul banali u inutli f’nofs il-ground fuq Albert Rosas, meta ma kienx fl-azzjoni, bil-konsegwenza li ntwera l-karta l-ħamra wara li r-referee vverifika mal-VAR.

Bi player inqas, il-coach temporanju, Davide Mazzotta, kien kostrett li jagħmel sostituzzjoni meta daħħal lid- difensur Enrico Pepe fil-post tal-attakkant Jurgen Degabriele li kien ta’ theddida kontinwa għad-difiża avversarja.

Fit-28 minuta, id-difiża Maltija għaddiet minn periklu meta Rosas issupera lil Jean Borg u b’kanunata heżheż il-mimduda, b’Bonello megħlub għal kollox … hekk kif il-Maltin bdew juru sintomi ta’ kollass psikoloġiku.

Fl-34 minuta, Bonello kien providenzjali meta minn azzjoni ta’ throw-in u megħjun mill-mimduda, dawwar f’corner ix-xutt mibrum ta’ Rosas minn pożizzjoni ferm angolata.

Minunta wara, Teddy Teuma għadda through pass lejn Joseph Mbong li għe­leb in-nasba tal-offside iżda ma rnex­xielux jegħleb lil Alvarez li nnewtralizza f’corner. 

Fis-37 minuta, il-cross fil-baxx ta’ Matthew Guillaumier ma sab l-ebda player Malti bil-ballun jgħaddi tul il-lasta.

Fit-tieni taqsima, li fetħet b’daqqa ta’ ras  ċen­trali ta’ Guillaumier mill-cross ta’  Teuma, il-Maltin kibru fl-istatura u ma dehrux li kienu f’inferjoritá numerika billi fetħu pressjoni biex ġiegħlu lill-avversarji jirtiraw lura li bdew itajru l-ballun biex ibiegħdu kull periklu.

Fis-66 minuta, Bonello xeħet f’corner ix-xutt qawwi ta’ Joan Cervos minn barra l-kaxxa.  Sitt minuti wara, il-goalkeeper Malti reġa’ wera l-potenzjal tiegħu meta evita goal ċert hekk kif reġa’ salva fuq Cervos mill-viċin.

Mal-ħin, il-Maltin bdew jinħakmu minn għejja fiżika u mentali minħabba li ġrew u ssieltu għal kull ballun u saħansitra kienu territorjalment aħjar bil-konsegwenza li esponew id-dgħufija tal-avversarji li ma approfittawx mis- superjoritá numerika.

Fl-84 minuta, f’kontrattakk veloċi Andorra heddew permezz ta’ Rosas li b’xorti tajba ħadd minn sħabu ma rreċiproka biex jixħet fix-xibka.

Proprju mad-90 minuta Rosas falla mill-qrib bil-ballun jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-lasta.

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Jean Borg, 3-Ryan Camenzuli (15-Myles Beerman 34), 4-Gabriel Bohrer Mentz, 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Guilluamier, 7-Joseph Mbong, 10-Teddy Teuma (8-S. Pisani 91), 11-Paul Mbong (23-Alexander Satariano 46), 18-Jurgen Degabriele (13-Enrico Pepe 24), 19-Trent Buhagiar (9-Basil Tuma 46) – Coach: Davide Mazzotta

ANDORRA: 12-Iker Alvarez, 6-Christian Garcia, 11-Albert Rosas, 14-Izan Fernandez (10-Cucu 63), 15-Moises San Nicolas, 16-Eric De Las Heras, 17-Joan Carvos, 20-Joao Da Silva (8-Pau Babot 63), 21-Marc Garcia (2-Dacu 77), 22-Ian Olivera (4-Francisco Pomares 86), 23-Biel Borra (18-Chus Rubio 77) – Coach: Koldo Alvarez

REFEREE: Luka Bilbija (Bosnja)

ASS. REFEREES: Damir Lazic, Aleksandar Smiljanic (Bosnja)

RABA’ UFF: Dragan Petrovic (Bosnja)

SKORERS: Ħadd

AMMONITI: J. Mbong, M. Beerman (M); I. Fernandez, J. Teixeira, I. Oliveira, P. Badot (A)

TKEĊĊA: G. Mentz 17 (M)

ATTENDENZA: 3,142

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport