Spanja u l-Portugall kisbu rebħa importanti fil-UEFA Nations League minkejja li ffaċċjaw avversarji diffiċli. Filwaqt li l-Portugall għelbu lir-Repubblika Ċeka, Spanja rebħu lill-Isvizzera.
Grupp A: Spanja marru l-Isvizzera u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Huma fetħu l-iskor fit-13-il minuta meta Marcos Llorente rebaħ il-ballun wara clearance ħażin mid-difiża avversarja u għadda lejn Pablo Sarabia li kien pront xeħet fix-xibka.
F’darhom il-Portugall għelbu lir-Repubblika Ċeka bl-iskor ta’ 2-0. Huma fetħu l-iskor fit-33 minuta minn Joao Cancelo wara xogħol tajjeb ta’ Bernardo Silva.
Ħames minuti wara reġa’ kien Silva li għadda lejn Goncalo Guedes li minn pożizzjoni angolata xeħet fix-xibka b’xutt fil-baxx.
Grupp B: Barra minn darhom, is-Serbja għelbu lill-Isvezja bl-iskor ta’ 1-0 permezz ta’ Luka Jovic (45).
Grupp C: Il-Greċja ospitaw lill-ġirien Ċipru u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0 biex kisbu t-tielet rebħa minn daqstant partiti. Il-goals jaslu minn Anastasios Bakasetas (8), Vangelis Pavlidis (21) u Dimitris Limnios (49).
Il-Kosovo laqgħu lill-Irlanda ta’ Fuq u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2 biex filwaqt li huma rreġistraw it-tieni rebħa, l-Irlandiżi sofrew it-tieni telfa. L-iskorers tagħhom kienu Vedat Muriqi (9 pen, 52) u Sinan Bytyqi (20) filwaqt li Shayne Lavery (45) u Daniel Ballard (84) wieġbu għall-Irlandiżi.
Georgia marru l-Maċedonja u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0 bil-goals jaslu minn Budu Zivzivadze (52), Khvicha Kvaratshelia (62) u Otari Kiteishvili (84).
Il-Bulgarija marru Ġibiltá u temmew fi draw ta’ 1-1 biex dawn tal-aħħar wettqu sorpriża. Georgi Minchev (45) fetaħ l-iskor għall-Bulgarija iżda Liam Walker (61 pen) kiseb d-draw għat-team ospitu.